Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Il-coverage tagħna fuq iż-żwieġ gay

22/07/17 03:02 PM

Waħda mill-akbar sodisfazzjonijiet f’dan ix-xogħol hija r-reazzjoni pożittiva tal-udjenzi. Aħna tassew nagħmlu l-qalb, għax l-udjenzi ta’ Newsbook.com.mt u tal-paġna ta’ Facebook dejjem qed jikbru.

M’għandniex ċifri għall-RTK, iżda fiduċjużi li hemm l-istess xenarju.

Fil-ġranet li ġejjin se nagħtu aktar tagħrif dwar kemm qed jiżdiedu l-udjenzi ta’ Newsbook.com.mt.

Nistgħu ngħidu li l-istatistika turi li minn mindu bdiet ir-riforma tal-midja tal-Knisja f’Jannar li għadda, l-udjenzi żdiedu kull xahar; u żdiedu b’rata akbar milli kienu qed jiżdiedu fi snin preċedenti.

L-udjenzi żdiedu bejn Jannar u April. Imbagħad ġew il-kampanja elettorali u l-elezzjoni. L-udjenzi ma tawx każ tal-akkużi inġusti li saru kontrina u bdew isegwuna ħafna iżjed minn qatt qabel.

L-udjenzi tagħna tul il-kampanja elettorali kienu 800% aktar milli kienu fil-kampanja elettorali tal-2013.

Barra minn hekk, studju xjentifiku wera li l-udjenza li tinteraġixxi ma’ Newsbook.com.mt hija l-aktar udjenza bilanċjata politikament mill-udjenzi li għandhom il-midja l-oħra kollha. U l-udjenzi baqgħu magħna wara l-elezzjoni. F’Lulju żammejna r-ritmu u ż-żieda fuq Lulju tas-sena l-oħra hija kbira ħafna.

Naħsbu li l-udjenzi jfittxuna għax fuq dan is-sit tal-aħbarijiet, isibu aħbarijiet dwar suġġetti varji u jsibu ilħna differenti, waqt li nżommu l-perspettiva tagħna mibnija fuq it-twemmin nisrani.

Ejjew nieħdu d-dibattitu dwar il-liġi li fformalizzat iż-żwieġ bejn il-gays, li kien diġà daħal f’kollox barra l-isem erba’ snin ilu. Aħna tajna spazju lil min emmen fil-kuxjenza li kellu jivvota le u lil min fil-kuxjenza emmen li kellu jivvota iva. Kien hemm min deherlu li aħna għandna nsemmu naħa waħda biss, għax hemm min jemmen fil-primat tal-kuxjenza biss meta l-kuxjenza ta’ ħaddieħor tkun taqbel mal-kuxjenza tiegħu. Nassiguraw lil kullħadd li la għamilna hekk f’din il-liġi u l-anqas se nagħmlu hekk drabi oħra. Hekk hija l-missjoni tagħna bħala midja tal-Knisja.

Tajna wkoll spazju għal ideat differenti fi ħdan il-Knisja. Aħna ma poġġejna l-ebda sarima, la fuq il-bloggers tagħna u l-anqas fuq ħadd mill-qassisin li intervistajna u li ħadu sehem fil-programmi tagħna. Naturalment tajna pubbliċità massima kull meta tkellmu l-Isqfijiet Maltin dwar is-suġġett. Dan għamilnieh kemm fuq Newsbook.com.mt, kemm fuq il-paġna tagħna fuq Facebook, kif ukoll fuq l-RTK.

Kien hemm min ma ħax gost, pereżempju.  li ġibna rapport tal-intervista li ta l-Kardinal Reinhard Marx dwar l-introduzzjoni taż-żwieġ gay fil-Ġermanja. Dan seħħ wara mossa tattika tal-Kanċillier Merkel li riedet li ‘teħles’ mis-suġġett qabel l-elezzjoni, biex ma jkollhiex diffikultajiet li tagħmel koalizzjoni wara l-elezzjoni.  Marx, bir-raġun qal li l-akbar problema għall-Knisja mhux il-legalizzazzjoni taż-żwieġ gay, iżda l-persekuzzjoni li tul is-snin saret mal-komunità gay, persekuzzjoni li ħafna drabi l-Knisja m’għamlet xejn dwarha. Marx qal ukoll illi fi stat pluralistiku u sekulari, wieħed m’għandux jistenna li l-liġijiet tal-istat ikunu jirriflettu bilfors it-tagħlim tal-Knisja.

Aħna ħallejna lil min ma jaqbilx kif ukoll lil min jaqbel mal-Kardinal Marx, li jagħmel il-kummenti li ried jagħmel taħt ir-rapport jew fuq il-Facebook page. Kien hemm min ipprova jnaqqas l-importanza ta’ dak li qal il-kap tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża billi semma diskorsi tal-Papa li kkritikaw nuqqasijiet fil-Knisja Ġermaniża. Dawn għandhom iżda jżommu quddiem għajnejhom illi l-Papa għażel lill-Kardinal Marx biex ikun wieħed mill-ftit kardinali li jrid miegħu, biex jirriforma lill-Knisja. Huwa ċar għalhekk illi l-Papa jqis lill-Kardinal Ġermaniż bħala parti mis-soluzzjoni u mhux parti mill-problema. Fil-każ ta’ prelati oħra, il-Papa Franġisku għażel li jwarrabhom mhux li jżommhom qrib tiegħu.

Kif ktibna, napprezzaw min ikollu ideat differenti, għax aħna rridu nkunu forum ta’ ideat differenti. Tant hu hekk li bħalissa qed naħdmu biex insaħħu t-tim ta’ bloggers li għandna, biex ikun aktar varjat u jkun aktar jista’ jistimola d-diskussjoni.

Dan is-sajf żgur li mhux se jkun sajf ta’ vaganzi għalina li naħdmu fil-midja tal-Knisja. L-enerġija biex nirranġaw u nbiddlu, neħduha mill-appoġġ tagħkom li dejjem jikber.