Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  

Miraklu ta' Santa Marija

15/08/17 09:43 AM

Għall-okkażjoni tal-festa ta' Santa Marija, qed nippubblikaw editorjal minn Dun Brendan Gatt

Mhux soltu nikteb bloggs fuq suġġetti purament reliġjużi; min isegwi l-kitbiet tiegħi jaf li normalment naqbad suġġetti marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ moralità u ħajja, jew inkella dwar iż-żifna delikata (u spiss perikoluża) tar-reliġjon u l-politika.

Iżda s-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija – Santa Marija fil-lingwaġġ popolari tagħna – tant hija magħġuna mhux biss fil-fibra reliġjuża ta’ ġensna imma wkoll f’dik soċjali u kulturali, li l-influwenza tagħha tinħass ferm lil hinn mill-knejjes, il-pulpti u l-purċissjonijiet tagħna.

Biżżejjed niftakru li f’dawn il-jiem qed niċċelebraw il-75 anniversarju tal-wasla tal-Konvoj “ta’ Santa Marija”, mument storiku li fih missirijietna u ommijietna raw il-qawwa t’Alla u l-interċessjoni ta’ Marija. Anki s-sejba (proprju lbieraħ) ta’ dawk iż-żewġ ġuvintur li kienu mitlufa fl-irdum u l-għerien malajr ġiet imlaqqma “miraklu ieħor ta’ Santa Marija”. 

Iżda biex Santa Marija ma tiġix mitfugħa biss fiċ-ċpar tal-folklor u t-tradizzjonijiet, ippermettuli nfakkarkom x’tifhem il-Knisja b’din iċ-ċelebrazzjoni. Fil-qofol tiegħu, l-Għid tal-Assunta jfakkar il-glorifikazzjoni ta’ Marija, il-fatt li fi tmiem ħajjitha f’din id-dinja, Marija – minħabba l-qdusija tagħha u r-rabta unika tagħha ma’ Ġesù – ġiet meħuda sabiex tgawdi l-glorja t’Alla bir-ruħ u l-ġisem. 

Imma l-festa ta’ Santa Marija m’hijiex biss raġuni ta’ ċelebrazzjoni (reliġjuża u kulturali); hija wkoll tifkira lill-Insara li fejn marret qabilna Marija, hekk imsejħin aħna wkoll. Fil-15 ta’ Awwissu 1980 il-Papa San Ġwanni Pawlu t-Tieni kien qal li l-Festa tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija “hija tkomplija tal-Għid il-Kbir, tal-Qawmien u t-tlugħ fis-sema tal-Mulej. Marija Mtellgħa s-Sema hija, fl-istess ħin, sinjal u għajn ta’ tama għall-ħajja ta’ dejjem u għall-qawmien mill-mewt fil-futur.” Biex ngħidu hekk, il-festa ta’ Santa Marija qisha l-Għid il-Kbir applikat fil-ħajja ta’ kull dixxiplu. 

Nemmen ukoll li – mill-ġdid għal dawk li jemmnu – Santa Marija tpoġġilna għażla ċara (għalkemm mhux faċli) quddiemna: “tajn jew glorja?” F’kull mument ta’ ħajjitna għandna għażla; jew nagħżlu t-tajn (jiġifieri li mmorru lura lejn it-trab mnejn issawwarna: il-mewt u d-dnub) jew inkella li nagħżlu l-glorja (jiġifieri li mmorru lil hinn minn dak li huwa biss materjali, tal-ġisem). Fil-ktieb tad-Dewteronomju Mosè wkoll offra għażla lill-poplu ta’ Iżrael: “Ara jiena llum qegħdtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni. Issa jekk tisma' mil-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum: li tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu, int tgħix u titkattar, u l-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fl-art li int sejjer fiha biex teħodha f'idejk. ... Jien illum qegħedt quddiemek il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek” (Dewt. 30, 15-16 u 19).

Marija għażlet il-ħajja, il-barka, ir-rieda t’Alla, il-glorja. Il-poeta Taljan Dante Alighieri għandu frażi sabiħa: “Fir-rieda t’Alla nsibu il-paċi tagħna.” Hekk emmnet Marija; l-Evanġelji juruhielna tfittex il-paċi u l-ferħ biss fir-rieda t’Alla, f’kull għażla li hi kellha quddiema. Marija għażlet li tittraxxendi – li tmur lil hinn jiġifieri – mil-limitazzjonijiet tan-natura umana u tħares lejn id-Divin: għażlet mhux it-tajn, iżda l-glorja. “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.” 

Kif nistgħu ngħixu aħna din l-għażla ta’ tajn jew glorja? Jagħżel it-tajn min jagħżel lilu nnifsu, min jagħti l-ewwel post lix-xewqat, lir-regħba, lill-kumdità tiegħu, u jgħaffeġ lill-oħrajn. Jagħżel it-tajn min jagħżel il-pjaċir, akkost li ħaddieħor isir oġġett tal-pjaċir tiegħu; jagħżel it-tajn min jabbuża u jisfrutta, jiġġudika u jobgħod lill-oħrajn; jagħżel it-tajn fuq kollox min jgħid li jemmen f’Alla iżda mbagħad jgħix daqs li kieku Alla ma jeżistix. 

Mill-banda l-oħra jagħżel il-glorja min jagħti l-ewwel post lir-rieda t’Alla, anki meta din iġġibu f’kunflitt mal-hekk imsejħa valuri tad-dinja ta’ llum; jagħżel il-glorja min iħobb anki lil dawk li ma jaqblux miegħu u min jaħfer lil dawk li għamlulu l-ħsara; jagħżel il-glorja fuq kollox min ipoġġi fil-prattika l-kliem ta’ Kristu: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni…Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Ara Mattew 25, 36-40). 

Dik hi d-devozzjoni awtentika lejn Santa Marija; mhux bid-diskors biss (għax dak faċli), imma fir-realtà tal-għażliet konkreti. U hekk, kull mument ta’ ħajjitna jista’ jkun miraklu (imqar żgħir) ta’ Santa Marija.

Ritratt: Festa Santa Marija Mosta