Newsbook

Free - On Google Play

View
Impjiegi minn jobsinmalta.com  
Sajjetta tolqot żona fiż-Żurrieq u tikkawża nirien   |  Ikkonfermata l-analiżi ta' Newsbook: Debono jċedi s-siġġu   |  Kittieba konservattivi jakkużaw lill-Papa b'ereżija   |  "In-nisa m'għandhomx jirrifjutaw l-irġiel": Il-BA tinvestiga, oħrajn ma jaraw xejn ħażin   |  Merkel jew Schulz? Il-Ġermaniżi jivvutaw

Smartmewt: #tużahx

21/08/17 11:41 AM

Rajt kwotazzjoni ħelwa: għandna ħafna smartphones imma ftit ‘smart people’. Tassew. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, jidher li n-nuqqas ta’ ‘smart people’ li jużaw is-smartphones qed iwassal għal ‘smart mewt’.

Ilkoll konxji mill-konsegwenzi tal-użu tal-mowbajl waqt is-sewqan. Aljenazzjoni. Inċidenti. Spejjeż bla bżonn. Theddida għal saħħtek u saħħet ħaddieħor. Imwiet. Imma minkejja li nafu u nemmnu li ħażin, il-leblieba li waqt li nkunu nsuqu niċċekkjaw il-mowbajl, tegħlibna.

Fula f’qargħa trid tkun li ssuq mid-dar għax-xogħol jew lura u ma tinzertax lil xi ħadd bil-mowbajl f’idejh jew iħares ’l isfel mill-isteering, qisu tifel tal-primarja jnaqqar minn taħt il-mejda biex l-għalliem ma jindunax.

Newsbook.com.mt u RTK 103FM qed iniedu l-kampanja #tużahx bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-periklu li jġib miegħu l-użu ta’ dan l-aġġeġġ fil-karozza. Forsi xi darba nitgħallmu li ‘aħjar uff, milli aħħ!’

Isiru ħafna sforzi biex is‑sewwieqa jiġu edukati dwar dan, imma dawk li jinqabdu mill-Pulizija jużaw il-mowbajl waqt li jsuqu, kulma jmur qiegħed dejjem jiżdied...minflok jonqos.  Minn 4,578 fl-2013 telgħu għal 8,282 fl-2015. 

#tużahx se tkun qed tfiehem il-konsegwenzi koroh li jistgħu jseħħu, xi kultant anke b’fatalitajiet, minħabba sewqan bla attenzjoni.  Kull meta tuża l-mowbajl waqt li ssuq tkun qisek qed tiġi taqa’ u tqum minn ħajtek. Imma mhux biss...hemm ħajjet ħaddieħor ukoll fin-nofs.

Ħafna drabi, ir-raġunament tagħna li nsuqu jkun, li nkunu nafu x’qed nagħmlu, li għandna l-kontroll assolut. Imma fl-istess ħin nafu li l-ftit sekondi li nħarsu lejn il-mowbajl jistgħu jiswew ħajja.

Fil-fatt, l-istatistika turina li wieħed minn kull erba’ inċidenti fit-toroq Maltin iseħħu kawża tal-użu tal-mowbajl.

Ħafna jgħidu li ma jirnexxielhomx. Imma dejjem tista’ tipprova. Jekk tħossok aħjar, tista’ tnaqqas it-tentazzjoni, tagħmel il-mowbajl silent qabel issuq. Inkella, jekk se jkollok lil xi ħadd miegħek, dejjem tista’ tħalli l-mowbajl f’idejh.

Anke jekk ma ssuqx u dejjem tkun passiġġier, tista’ tagħmel differenza. Jekk tkun ma’ xi ħadd li juża l-mowbajl waqt li jsuq, ma tħossx li għalih iċ-chat jew il-messaġġ li tkun qed  tibgħat jew tirċievi, hu aktar importanti minnek?

Nistiednek biex issegwi mill-qrib il-kampanja #tużahx, li qed issir bil-kollaborazzjoni ta’ Vodafone Malta Foundation, Laferla Insurance Agency Ltd, bil-kollaborazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, personalitajiet u Membri Parlamentari.

U jekk għandek xi esperjenza li tixtieq taqsam mal-qarrejja, iktbilna fuq info@newsbook.com.mt. Imma mhux waqt li tkun issuq!