Home Aħbarijiet ​1,717 ġew Malta biex jivvotaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali

​1,717 ġew Malta biex jivvotaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali

2 minuti qari

Fl-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li għadda, kien hemm 1,717-il votant li ġew Malta biex jixħtu l-vot tagħhom.
Fil-Parlament, il-Ministru Konrad Mizzi ta rendikont ta’ kemm persuni ġew Malta minn pajjiżi oħra sabiex ikunu jistgħu jivvotaw. B’kollox qal li kien hemm 2,052 passiġġier li siefru lejn Malta b’titjiriet tal-Air Malta u li dawn waslu minn 22 ajruport differenti.  
Minn dawn, qal li kien hemm 1,717-il votant filwaqt li 335 kienu dipendenti u ma kellhomx dritt għall-vot.  Il-Ministru Konrad Mizzi spjega li f’dan il-każ, l-Air Malta imxiet fuq l-istess linji ta’ elezzjonijiet u referenda oħra li saru matul dawn l-aħħar 20 sena.
L-10 u d-9 distrett bl-akbar numru ta' votanti qabel jum l-elezzjoni
Intant fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-ikbar għadd ta’ persuni li vvotaw qabel jum l-elezzjoni, kienu dawk tal-għaxar u tad-disa’ distrett. Fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li kien hemm 571 votant fl-10 distrett, u 463 votant fid-9 distrett li xeħtu l-vot tagħhom kmieni billi kienu se jkunu msiefra. L-inqas distrett li kellu votanti fil-jiem ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali, kien is-sitt wieħed.
L-akbar numru ta' votanti barra minn Malta kienu fil-Belġju
Kien hemm ukoll 90 persuna li vvotaw barra minn Malta. Kif mistenni, l-akbar numru ta’ votanti barra minn Malta kienu dawk fil-Belġju fejn kien hemm 46 votant.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li wara l-Belġju, l-aktar pajjiżi fejn ivvotaw Maltin kienu r-Renju Unit bi 15-il persuna, segwit mill-Italja b’7 persuni.
Din l-informazzjoni ngħatat wara numru ta’ mistoqsijiet parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone.
Ritratt: Arkivji – Dibattitu bejn il-mexxej tal-PL u tal-PN qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet