4 xhur oħra għall-Ġappun

minuta qari

Erba’ xhur oħra, kontinġent ta’ 28 scout Malti se jkun fi triqtu lejn il-Ġappun għat-23 edizzjoni tal-Jamboree Dinji tal-Iscouts. 
Il-Jamboree Dinji tal-Iscouts ilaqqa’ għexieren ta’ eluf ta’ scouts minn madwar id-dinja kollha bejn l-etajiet tal-14 u s-17-il sena. Dan isir darba kull erba’ snin.
Dan il-Jamboree se jsir f’Yamaguchi, belt Ġappuniża li tiġbor fiha taħlita ta’ bini modern u antik kif ukoll spazji miftuħa u natura mill-isbaħ.
It-tema magħżula hija “Spirtu ta’ Għaqda” fejn l-emfażi ewlenija se tkun dik dwar l-armonija, il-koperazzjoni, il-ħbiberija u l-paċi.
L-għan ewlieni wara avveniment bħal dan ikun biex il-parteċipanti jingħataw l-opportunità li jikkampjaw flimkien, jitgħallmu dwar kulturi differenti, filwaqt li jkomplu jsaħħu t-tagħrif tagħhom dwar l-iscouting.
L-attivitajiet ippjanati se jinkludu temi bħalma huma “Il-Villaġġ tal-Iżvilupp Globali”, kif ukoll tifkiriet u taħdidiet b’rabta mal-ġrajjiet nukleari ta’ Hiroshima u Nagasaki.
Il-Jamboree tal-Ġappun se jsir bejn it-28 ta’ Lulju u t-8 t’Awwissu 2015.