96 rekluta ġdid għall-Korp tal-Pulizija

2 minuti qari

Il-Korp tal-Pulizija laqa’ fi ħdanu 96 kuntistabbli ġdid, 66 raġel u 30 mara. Dan wara li temmew kors intensiv ta’ tnax-il ġimgħa li fih irċevew taħriġ fiżiku u akkademiku.
Waqt iċ-ċerimonja, li kienet ipperseduta mill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, u l-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, ġiet onorata ir-rekluta Sarah Apap, fejn ingħatat il-premju tal-aqwa rekluta u kklassifikat l-ewwel fit-taħriġ akkademiku.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tkellem dwar kif parti kbira tax-xogħol ta’ dawn ir-rekluti hu li jgħinu fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Huwa kompla jgħid li se ssir enfasi biex l-uffiċjali jingħataw taħriġ regolari.
Qal li mhux se jittollera li individwi, kemm Maltin, kif ukoll barranin, ma jsegwux il-liġijiet tal-pajjiż.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Kummissarju qal li l-amministrazzjoni tal-Korp bħalissa tinsab fil-proċess li tagħmel taħriġ biex il-membri tal-Korp ikunu aġġornati f’diversi suġġetti fit-teorija u fil-prattika ma’ dak li għandu x’jaqsam max-xogħol tal-pulizija.
Il-Kors akkademiku li segwew ir-rekluti l-ġodda jinkludi suġġetti relatati mad-drittijiet fundamentali u mal-etika, mal-liġijiet, mar-regolamenti, investigazzjonijiet relatati ma’ xeni kriminali u mal-għarfien tat-traffiku, fost oħrajn.
Ritratt: DOI – Jason Borg