​Adrian Delia għadu ma jafx meta se jippubblika d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul

4 minuti qari

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għadu ma ppubblikax id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul. Dan minkejja li l-Ħadd li għadda qal lis-Sunday Times of Malta, li lest li jagħmel dan malli li jitkellem mas-sieħeb tiegħu fin-negozju li dak iż-żmien kien barra minn Malta. Newsbook.com.mt huwa infurmat li s-sieħeb fin-negozju ta’ Delia ilu Malta ġimgħa.
Dr Delia kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ppreżenta l-viżjoni politika tiegħu, li iżda spiċċat titratta aktar l-allegazzjonijiet li ħarġu fl-aħħar jiem u l-istqarrija tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN.
Huwa insista li m’għandux problema li jippubblikahom, għalkemm mhux obbligat. Żied jgħid li għadu ma sabx ħin ikellem lis-sieħeb tiegħu fin-negozju, “minħabba li dan kien għaddej minn esperjenza familjari xejn sabiħa.” Saħaq li se jagħmel dan fil-jiem li ġejjin.
Matul il-konferenza, Dr Delia, kif għamel fl-aħħar jiem, kemm-il darba ċaħad l-allegazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia u kellu kliem iebes fuq dak li ddeskriva bħala “l-establishment” tal-PN li fi kliemu hu marbut mas-siġġu tal-poter u rrifjuta ripetutament il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li talbuh jidentifika min hu l-establishment.
“Jien inħtart sole director ta’ Haeley Properties”
Newsbook.com.mt staqsa wkoll lil Dr Delia dwar dak li qal ir-rapport tal-Kumitat tal-Etika, jiġifieri li hu u Dr Chris Cardona (illum Ministru għall-Ekonomija) rriżenjaw minn diretturi ta’ Healey Properties wara rejd li kien sar mill-Pulizija Ingliża fl-2003, u nstab li l-propjetà kienet tintuża għall-prostituzzjoni.
Dr Delia ċaħad dan u qal li hu kien inħatar “sole director” tal-kumpanija u waqt il-konferenza wera dokument li juri dan. Żied jgħid li jekk imbagħad sar ukoll direttur Chris Cardona, hu ma kienx jaf.
Mistoqsi dwar il-fatt li ismu u isem Cardona, kien fuq id-dokument tar-riżenja tagħhom it-tnejn minn diretturi tal-kumpanija, Dr Delia qal li kien hu biss li ffirma.
Newsbook.com.mt jistaqsi dwar trasferimenti ta’ flus
Fl-aħħar jiem, Adrian Delia dejjem qal li Caruana Galizia mhux tippubblika provi biex tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha. Newsbook.com.mt wera dokument ippubblikat minn DCG, fuq letterheads tal-HSBC, li kien juri li sar ħlas ta’ £2,000 mill-kont ta' Eve Patricia Bajada (Numru tal-kont: 026-056341-401) għall-kont f’Barclays Bank PLC, li jġib bħala isem, Dr Adrian Delia.
Mingħajr ma ċaħad li sar dan it-trasferiment, Dr Delia qal li dwar dak li kitbet Caruana Galizia fetaħ diversi libelli.
Żied jgħid li n-nies li bagħtu l-flus fil-kont f’Jersey, huma nies li nstabu ħatja mill-Qrati Maltin u li dan jikkonferma li s-sorsi ta’ Daphne Caruana Galizia huma dawk li kisru l-liġi.
Bħalma għamel diversi drabi, Delia saħaq li bħala avukat huwa mhux responsabbli għall-azzjonijiet tal-klijenti tiegħu.
“Jekk ma nintgħażilx ikunu vvutaw biex l-affarijiet jibqgħu kif inhuma”
Dwar il-vot ta’ nhar is-Sibt u jekk jaħsibx li se jkun magħżul minn fost l-erba’ kandidati għat-tieni rawnd, Delia qal li jekk ma jintgħażilx, il-Kunsilliera jkunu qed jivvutaw biex l-affarijiet jibqgħu kif inhuma.
Saħaq li l-leħen tan-nies huwa tant kbir li min hu vera politiku se jisma’ l-leħen li fi kliemu dejjem qed jikber.
 “Jien Adrian Delia u din il-viżjoni tiegħi”
B’dawn il-kliem, Adrian Delia fetaħ il-konferenza li matulha ppreżenta l-viżjoni tiegħu, 12-il siegħa wara li l-Kunsill Amministrattiv tal-PN talbu jikkunsidra mill-ġdid il-kandidatura tiegħu.
Adrian Delia tkellem dwar il-valur tal-ħajja mill-bidu sal-aħħar u qal li kull persuna għandha d-dmir tiddefendi l-ħajja.
Tkellem dwar il-governanza u qal li jrid “soċjetà kbira u gvern żgħir,” fejn il-poter ikun f’idejn il-poplu waqt li saħaq li l-politika tiegħu temmen “f’tolleranza zero għall-korruzzjoni”
Qal ukoll li jrid miegħu nies li mhux jaħdmu biss għall-partit, imma għan-nazzjon, għax fi kliemu l-partit mhux akbar mill-pajjiż.