Home Aħbarijiet Assassinju Daphne: Ir-Reporters Without Borders titlob investigazzjoni imparzjali

Assassinju Daphne: Ir-Reporters Without Borders titlob investigazzjoni imparzjali

2 minuti qari

Il-grupp internazzjonali Reporters Without Borders (RSF) talab biex ikun hemm investigazjoni indipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, sabiex min kien responsabbli jidher quddiem il-ġustizzja.
It-talba tal-grupp, li jiġġieled sabiex ikun hawn libertà tal-informazzjoni, tidwi t-talba tal-familja Caruana Galizia li tinsab imħassba dwar in-natura tal-investigazzjonijiet.
It-talba għal investigazzjoni indipendenti saret aktar relevanti minn nhar it-Tnejn, meta l-Pulizija flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta u s-Servizzi Sigrieti qabdu 10 suspettati b’rabta mal-każ.
Tlieta minn dawn, l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, huma fost is-suspettati ewlenin.
Il-grupp irrefera għall-istqarrijiet tal-familja Caruana Galizia, l-ewwel waħda tkun it-Tnejn stess meta rrimarkat li hemm xi ħaġa ħażina li l-familja saret taf b’dawn l-arresti min retweet tal-Prim Ministru.
Aktar tard, Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia, innutat li l-mod kif ġew ikkommunikati l-arresti jindika “nuqqasijiet istituzzjonali serji.”
Qalet li l-informazzjoni kellha tiġi kkommunikata mill-Pulizija u mhux mill-Prim Ministru u saħqet li dan juri li l-prijorità tal-Pulizija hija li tinforma lill-Prim Ministru u mhux lill-familja.
Il-familja aċċennat ukoll għall-fatt li l-ismijiet tal-akkużati xterdu mal-midja, u l-maġistrat li ħareġ il-mandat t’arrest mhuwiex l-istess maġistrat li qed jinvestiga l-każ.
Għalhekk, ir-Reporters Without Borders ħaddnu t-talba tal-familja Caruana Galizia biex ikun hemm investigazzjoni indipendenti, iżda wkoll imparzjali.
Preżentament, Malta tinsab fis-47 pożizzjoni minn 180 pajjiż fil-lista tal-RSF dwar il-libertà tal-istampa.