Home Aħbarijiet Assassinju DCG: Il-PM jgħid għaliex mhux se jattendi d-dimostrazzjoni

Assassinju DCG: Il-PM jgħid għaliex mhux se jattendi d-dimostrazzjoni

3 minuti qari

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ntbagħat messaġġ ċar li lilu ma jriduhx jattendi għad-dimostrazzjoni li se tkun qed issir illum wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
“Jien naf fejn hu posti u fejn le,” qal il-Prim Ministru u għalhekk saħaq li mhux se jattendi għal din id-dimostrazzjoni.
Waqt intervista fuq One Radio,  Dr Muscat qal li minkejja dan jaqbel li kien hemm bżonn manifestazzjoni nazzjonali dwar dan u kien għalhekk li talab lill-Partit Laburista biex jieħu sehem u jgħaddi messaġġ ta’ għaqda  nazzjonali.
"Ir-reputazzjoni ta' Malta saritilha ħafna ħsara"
Il-Prim Ministru qal ukoll li huwa fatt li wara dan l-assassinju, ir-reputazzjoni tal-pajjiż saritilha ħafna ħsara.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-bżonn li fuq il-midja internazzjonali joħroġ il-fatt li l-pajjiż mhux se jaċċetta dan il-qtil brutali bħala fatt normali, iżda li l-pajjiż qed jagħmel minn kollox, fosthom juża miżuri staordinarji biex issir ġustizzja.
"Mal-midja internazzjonali ngħidu l-affarijiet kif inhuma"
Qal ukoll li hemm mezzi tax-xandir internazzjonali li jista’ jkollhom interess mod ieħor f’Malta u insista li hemm bżonn li min jitkellem mal-midja internazzjonali jgħid l-affarijiet kif inhuma u mhux jgħid dak li jrid jisma’ hu, biex imbagħad jgħid: “Anke l-midja internazzjonali qed tgħid hekk!”
"Nixtieq li DCG għadha ħajja biex meta tkun lesta l-inkjesta dwar Egrant tara l-verità"
Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar l-allegazzjonijiet li għamlet Daphne Caruana Galizia li l-kumpanija Egrant hija ta’ martu Michelle Muscat u qal li jixtieq li l-ġurnalista assassinata għadha ħajja biex meta tkun lesta l-inkjesta tara l-verità.
"Adrian Delia għandu x'jaħbi"
Iżda fakkar ukoll fl-allegazzjonijet li għamlet fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li fi kliemu jvarjaw minn ħasil ta’ flus għal skandli ta’ prostituzzjoni internazzjonali.
Qal li żamm lura milli jikkummenta għax kien qed jistenna l-Qorti tiddeċiedi, iżda fakkar li Delia issa rtira l-libelli kollha.
“Dak li kien magħruf indifen magħha,” qal Muscat. “Issa Adrian Delia għandu jagħmel bħali u jitlob inkjesta maġisterjali… jien naħseb li Delia għandu x’jaħbi.”
"Importanti li ngħatu spazju lill-investigaturi"
Mistoqsi jekk hemmx informazzjoni ġdida, Dr Muscat qal li l-importanti bħalissa huwa li l-investigaturi jingħataw l-ispazju.
Faħħar ħafna l-kummenti tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, fosthom li jkun hemm investigazzjoni internazzjonali dwar dan l-assassinju, għax fi kliemu jista’ jkun hemm barranin involuti.
"Simon Busuttul hu bniedem żgħir"
Ikkritika ħafna l-kummenti ta’ Simon Busuttil fil-Parlament u qal li dan juri kemm “Simon Busuttil hu bniedem żgħir.”
Temm jisħaq li l-poplu għandu bżonn il-ħin tiegħu biex jishar f’dan il-mument u l-politiku jkun insensittiv jekk jibqa’ għaddej normali. Saħaq li l-pajjiż għandu futur sabiħ quddiemu.