Home Aħbarijiet Awdjo: “Dak li ħażin għall-qalb, ħażin għall-moħħ” – Prof. Scerri

Awdjo: “Dak li ħażin għall-qalb, ħażin għall-moħħ” – Prof. Scerri

2 minuti qari

Il-Professur Charles Scerri qal li n-nuqqas t’eżerċizzju fiżiku u mentali jistgħu jħaffu sabiex wieħed toħroġlu l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s aktar ’il quddiem.
Proprju fil-Jum Dinji tal-Alzheimer’s, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Scerri, mid-Dipartiment tal-Istudji tad-Dimensja fl-Università ta’ Malta, li hu wkoll kofundatur tas-Soċjetà Maltija tad-Dimensja, u dan enfasizza r-relazzjoni sfiqa li hemm il-moħħ u l-qalb.
Irrimarka li minbarra l-eżerċizzju fiżiku, wieħed ma jridx iħalli l-moħħ jitgħażżen, billi fost l-oħrajn jaqra, joħroġ u jitkellem man-nies dwar dak li qara, jiddiskuti u jikkritika.
Il-professur, li studja fil-fond il-kawżi tal-Alzheimer’s, qal li dawk l-affarijiet li jagħmlu ħsara lill-qalb jagħmlu ħsara lill-moħħ ukoll.
Barra minn hekk, Scerri semma wkoll iż-żmien u d-daqqiet repeturi fuq ir-ras, kawżi oħrajn tal-Akżheimer’s.
F’Malta, hawn madwar 2% tal-persuni għandhom dil-kundizzjoni, li hi biss waħda minn aktar minn 100 kundizzjoni oħra li jaqgħu taħt is-sintomi tad-dimensja. L-Alzheimer’s hija l-aktar komuni, b’aktar minn 60% tal-każi tad-dimensja.
Scerri sostna li l-Alzheimer’s mhux bilfors relatata mal-anzjanità jew iż-żmien. Fil-fatt qal li sintomi tal-Alzheimer’s jistgħu jitilgħu fil-wiċċ mal-20 sena wara li jkunu skattaw fil-moħħ u l-ġisem.
Din hija waħda mill-isfidi ta’ nies bħal Scerri li jittrattaw id-dimensja, li meta xi ħadd jersaq fuqhom, ikollu sintomi li ilhom jagħmlulu l-ħsara f’moħħu snin sħaħ.
Finalment, Profs. Scerri rrimarka li meta nitkellmu dwar l-Alzheimer’s, jew id-dimensja, irridu niftakru fil-persuni li jieħdu ħsieb persuni li jbatu mill-kundizzjoni. Dawn huma nies li jbatu wkoll minħabba l-ħin u l-attenzjoni meħtieġa għall-kura ta’ persuni bid-dimensja.
Id-dimensja tiswa fi flus lill-pajjiżi ħafna aktar minn kemm tiswa l-kura tal-kanċer, aċċenna l-professur.
Wieħed jista' jċempel fuq 1771, servizz telefoniku miftuħ 24 siegħa kuljum, sabiex jikseb informazzjoni u jikkonsulta mat-tobba.