Awdjo: Id-deċiżjoni ta’ Donald Trump ma taffettwax lil Malta

2 minuti qari

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġeografija fl-Università ta’ Malta, Prof. Maria Attard qalet li d-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li ma jibqax parti mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, mhux se taffettwa lil Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Prof. Attard spjegat li Malta hija parti mill-Ewropa u li l-miri tagħha huma stabbiliti u li għalhekk l-Istati Uniti ma affettwat xejn għax l-obbligi ta’ Malta baqgħu hemm xorta waħda.
X’inhu l-Ftehim ta’ Pariġi?
Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima li ntlaħaq fit-12 ta’ Diċembru 2015 f’Pariġi. Il-ftehim jippreżenta pjan ta’ azzjoni biex jillimita t-tisħin globali 'sew taħt' iż-2°C. Dan ikopri l-perjodu mill-2020 'il quddiem.
Il-Professur Maria Attard spjegat li l-Ftehim ta’ Pariġi qed jindirizza l-aspett legali fejn hemm pajjiżi differenti qed jagħmlu miżuri differenti kull wieħed biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Żiedet tgħid li bil-Ftehim ta’ Pariġi, il-pajjiżi jiċċekkjaw wieħed lil ieħor biex jaraw xi progressi qed isiru u biex jgħinu lil xulxin fil-miri rispettivi tagħhom.
Effett fuq l-aspett legali biss
Prof. Attard stqarret li d-deċiżjoni meħuda minn Trump mhux se tħalli effett fiżiku fuq l-andament tal-emissjonijiet, dan hekk kif l-Istati Uniti xorta waħda baqgħet kommessa li tindirizzahom, iżda se jkollha effett fuq l-aspett legali. Żiedet tgħid li effett ieħor li jista’ jkollha d-deċiżjoni ta’ Trump hija li l-Istati Uniti ma tibqax timbotta biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi u għalhekk ir-riperkussjonijiet tanġibbli għadhom iridu joħorġu.
Saħqet li d-deċiżjoni ta’ Trump tat daqqa ’l isfel lill-valuri u l-prinċipji lill-Istati Uniti stess. Dan hekk kif fi kliemha pajjiżi oħra li huma kburin bin-Nazzjon tagħhom, bħalma hi Franza, mill-ewwel ħarġu fuq quddiem biex jiddefendu l-prinċipju tal-ambjent.