Awdjo: Il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija jittella’ mill-ġdid wara 11-il sena

2 minuti qari

Wara waqfa ta’ 11-il sena, ilbieraħ filgħaxija reġa’ ħa l-ħajja l-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija.

Dan il-festival sar l-ewwel darba fit-tmeninijiet imma waqaf fl-2002 sakemm saret edizzjoni oħra din is-sena. L-għan tal-festival huwa li kantanti Maltin u barranin jiltaqgħu flimkien biex jistabilixxu kuntatti bejniethom u joħolqu opportunitajiet ġodda.

B’kollox din sena kien hemm 14-il kanzunetta Maltija u 12-il kanzunetta barranija.

Il-festival intrebaħ mill-kantanta lokali Olivia Lewis bil-kanzunetta “Hawn mill-Ġdid” b'mużika ta’ Paul Abela u kliem ta’ Joe Julian Farrugia.

Fit-tieni post ġie l-kantant Mark Tonna bil-kanzunetta “Poeta Bla Kliem” mużika ta’ Mark Scicluna u kliem ta’ Emil Calleja Bayliss.

Il-kanzunetta “Solitaire” kantata minn Dario u Grecia, b’mużika ta’ Dario Bezzina u kliem ta’ Rita Pace, ġiet fit-tielet post.

Il-festival sar fis-sala ta’ Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta, b’mużika u orkestra lajv. Il-kumitat organizzattiv huwa magħmul minn diversi professjonisti taħt it-tmexxija ta’ Josette Grech Hamilton.

Il-kummenti nstemgħu dalgħodu waqt il-programm “F’Min Qed Taħseb?” ippreżentat minn George Cremona fuq Radju RTK.

 

Ritratti: Facebook – International festival of Maltese Song 2013