Home Aħbarijiet Awdjo: Is-swied il-qalb wara l-kuluri sbieħ tal-murtali

Awdjo: Is-swied il-qalb wara l-kuluri sbieħ tal-murtali

2 minuti qari

Bħalissa għadd kbir ta’ dilettanti tan-nar għaddejin bl-aħħar preparamenti biex fil-jiem li ġejjin jixegħlu s-sema Maltija bil-kuluri sbieħ tal-murtali.
Oħrajn il-festa tagħhom għaddiet u diġà bdew jippreparaw għal tas-sena d-dieħla, filwaqt li voluntiera oħra qed jaħdmu lejl u nhar biex ipaxxu għajnejn dawk li se jżuru l-festa tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin.
Iżda, matul dan iż-żmien, id-dilettanti tan-nar u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-piroteknika, jiftakru f’dawk li tilfu ħajjithom f’inċidenti fi kmamar tan-nar matul is-snin.
Mill-1980 ‘l hawn, 57 persuna mietu u 45 persuna oħra ndarbu fi 88 inċident li seħħew fi kmamar tan-nar imxerrda madwar Malta u Għawdex.
L-2010 kienet l-aktar sena li rat imwiet. B’kollox kienu tilfu ħajjithom għaxar persuni f’ħames inċidenti.
Waħda mill-ikbar splużjonijiet ta’ dik is-sena kienet dik tal-Għarb fejn fost il-vittmi kien hemm mara tqila.
Fl-2007 kienu mietu tmien persuni fi tliet inċidenti. Ħamsa minnhom kienu mietu f’salt meta splodiet il-kamra tan-nar ta’ Santa Liena ta’ Birkirkara.
L-aktar sena li rat inċidenti, kienet l-2002, meta seħħew seba’ inċidenti li fihom kienet miet persuna waħda u weġġgħu erba’.
Filwaqt li jiftakar f’dawn il-vittmi, Newsbook.com.mt jawgura lid-dilettanti kollha tan-nar li f’dawn il-jiem il-ħidma tagħhom se tilħaq il-qofol tagħha.

Ritratti: Ian Noel Pace