Awdjo: Malti bi studju dwar kif ritratt juri għandekx id-dijabete

3 minuti qari

Madwar id-dinja persuna minn kull 12 tbati bid-dijabete, filwaqt li f’Malta persuna minn kull għaxra tbati bid-dijabete.
Skont rapport li ħarġet l-IDF (International Diabetes Foundation) fl-2015 din il-problema mistennija li tiżdied sostanzjalment fl-20 sena li ġejjin.
Dr George Azzopardi lettur fl-Università ta’ Malta u affiljat mal-Università ta Groningen, spjega ma’ Newsbook.com.mt li wieħed mill-effetti tad-dijabete hu li persuna tista’ tibda titlef il-vista tal-għajnejn wara ftit snin li tiżviluppa d-dijabete.
Dan minħabba li livelli għoljin taz-zokkor idgħajfu l-vini anke fl-għajnejn, tant li jistgħu jinfaqgħu u joħroġ id-demm fir-retina.
Id-demm li jinxtered jifforma bħal tbenġil fir-retina u jagħmel ħsara fil-vista tal-għajnejn.
Din il-kundizzjoni tissejjaħ diabetic retinopathy.
Spjega li f’pajjiżi barranin, sabiex jipprevjenu din il-problema għandhom programm ta mass screening, fejn kull min għandu d-dijabete jsejħulu darba jew darbtejn f’sena u jiħdulu ritratt tar-retina ta’ għajnejh.
F'każ li jinstabu sinjali ta’ diabetic retinopathy jiġi applikat intervent mediku immedjatament fejn jinħarqu l-vini fraġli fir-retina u b’hekk jitwaqqaf d-demm milli jkompli jinxtered.
Dan l-intervent mediku huwa effettiv biss jekk il-kundizzjoni tkun misjuba kemm jista’ jkun malajr.
Mingħajr il-programm mass screening hemm ċans li persuni dijabetiċi jitilfu l-vista kompletament.
Tenna li biex tipproċessa dawn ir-ritratti manwalment jeħtieġ ħafna riżorsi umani kif ukoll ħin twil u flejjes kbar.
Għaldaqstant, qed jipproponi sistema kompjuterizzata li tanalizza dawn ir-ritratti awtomatikament u tirreferi lill-esperti mediċi dawk ir-ritratti li sabet dubjuzi.
B’hekk din is-sistema tippermetti li jkun hawn program ta’ mass screening li huwa sostenibbli.
Għaldaqstant l-esperti mediċi jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-aktar każijiet importanti u fuq l-interventi mediċi, biex kemm jista’ jkun iwaqqfu li din il-kundizzjoni tkompli tikber.
Dr. Azzopardi spjega li matul l-istudji tad-dottorat tiegħu fl-Olanda diġà ippropona metodi kompjuterizzati li janalizzaw ritratti tar-retina u ippublika ix-xogħol tiegħu fuq diversi rivisti.
Bħalissa hu qiegħed jesplora possibilitajiet biex isib fondi ta riċerka sabiex ikompli jibni fuq li beda matul l-istudji tad-dottorat tiegħu u jiżviluppa sistema kompluta ta’ mass screening f’Malta.
Sistemi simili qegħdin jiġu żviluppati fl-Amerka, fl-Olanda u fiċ-Ċina.