Awdjo: Soru Maltija se tkompli tmexxi l-Agostinjani f’5 kontinenti

2 minuti qari

Sr Tessie Bezzina għadha kemm ġiet eletta bħala s-Superjura Ġenerali tas-Sorijiet Agostinjani. It-340 soru li jiffurmaw parti minn din l-Ordni Reliġjuża ġejjin minn 9 pajjiżi differenti u jaħdmu f’ħames kontinenti.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt,  il-Madre Maltija titkellem dwar kif tixtieq li s-sorijiet jgħixu iktar il-Vanġelu, u jkunu differenti, sabiex il-poplu jesperjenza iktar l-awtentiċità.
Tgħid li dan hu l-istess mod kif il-Papa Franġisku jagħti l-eżempju b’ħajtu stess u mhux bid-diskors biss.    
Tispira ruħha minn kliem il-Papa nnifsu biex "ma niddejqux nimxu kontra l-kurrent tad-dinja u nuru li Alla għalina huwa kollox."
“Minn din toħroġ ħidma vokazzjoni, niltaqa’ man-nies ferħana, nagħmel il-ġid. Meta ngħix fuq il-Vanġelu kuljum joħroġ ġid kbir kull fejn naħdem,” tispjega s-Superjura Ġenerali.
Illum jiċċelebraw 121 sena f’Malta
Illum, is-sorijiet Agostinjani Maltin qed ifakkru il-121 sena mill-bidu tal-missjoni tagħhom f’Malta. Wara li ħarġet mill-Italja, il-komunità f’Malta fetħet tmien komunijiet, wara infirxu għall-Awstralja mal-emigrazzjoni, imbagħad l-Ingilterra, l-Amerika ta’ Fuq, il-Brażil, il-Filippini, il-Kongo u l-Indja.
Tistqarr kif is-sorijiet Agostinjani jgħixu magħqudin f’isem Alla u f’qadi umli bħal Santu Wistin, b’mod speċjali għall-edukazzjoni tat-tfal u ż-żagħżagħ.
Se tmexxi s-sorijiet Agostinjani għal 6 snin oħra
Sr Tessie diġà mexxiet lis-sorijiet, magħrufa f’Malta bħala ta’ Santa Monika, għal dawn l-aħħar sitt snin, u b’din il-ħatra se sservi għal sitt snin oħra.
Hija ġiet eletta waqt il-Kapitlu Ġenerali 2015-2021 li qed isir l-Italja, minħabba li l-Madre Fundatriċi hi Taljana, Madre Teresa Spinelli (1789-1850). Tispjega li qed jistennew risposta li għall-ħabta ta’ Jannar issir Venerabbli u dan jagħti stamina ikbar lis-sorijiet fil-ħidma tagħhom.
Fil-Kapitlu Ġenerali, rappreżentanti tas-sorijiet Agostinjani mill-ħames kontintenti, iddiskutew kif jistgħu ikunu ta’ għajnuna għas-soċjetà tal-lum, ta’ sostenn u ta’ qalb miftuħa għal kull min għandu bżonn.
Għal iktar informazzjoni, tista' tidħol fil-paġna fuq Facebook: The Sisters of St Monica