Awdjo: “Tmien snin ilu ġejt bżonn is-servizz tal-post li nħaraq” – Amy

2 minuti qari

Amy Camilleri Zahra għandha tama kbira li ma jdumx ma jkun offrut post għal dawk li jkollhom bżonn kura wara amputazzjoni. Dan wara li t-taqsima fl-Isptar San Luqa ħadet in-nar il-bieraħ.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Amy, li kellha bżonn tuża s-servizz tas-sala ta' rijabilitazzjoni f'San Luqa tmien snin ilu.
Hija qalet li din hija taqsima li jużawha numru ta’ nies li jkunu tilfu sieqhom, jew parti oħra minn ġisimhom.
​Wieħed ikollu bżonn amputazzjoni minħabba nuqqas ta’ ċirkulazzjoni jew minħabba mard jew inċident.
Kompliet tgħid li l-fiżjoterapisti jagħtu għajnuna b’mod olistiku, hekk kif “ma jarawx biss it-telfa, imma jgħinu kif ikunu jistgħu”.
Amy qalet li kif rat ir-ritratti tas-sala li ħadet in-nar ħadet qatgħa hekk kif hi għaddiet ġranet twal tagħmel fiżjoterapija hemmhekk.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Amputees4Amputees esprimiet ix-xewqa li dan is-servizz ma jdumx ma jerġa’ jibda jingħata.
Sostniet li “meta titlef saqajk, hu importanti li wieħed jibda r-rijabilitazzjoni malajr kemm jista’ jkun, sabiex ma tintilifx is-saħħa fil-muskoli.”
Amy qalet li s-sala li nħarqet kienet waħda kbira fejn aktar nies setgħu jagħmlu użu minnha, speċjalment għall-eżerċizzju fiżiku.
Qalet li kien għaddej ukoll xogħol ta’ manteniment fil-post.
Amy temmet tgħid li ftit ħsieb u rispett jgħin lil dawk li għandhom diżabilità.