Home Aħbarijiet Chris Said ‘favur li l-art f’Pembroke tiġi salvata’; Il-Gvern jiċħad diverġenzi fuq...

Chris Said ‘favur li l-art f’Pembroke tiġi salvata’; Il-Gvern jiċħad diverġenzi fuq temi ambjentali

2 minuti qari

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li hu favur li l-art tiġi salvata u sostna li huwa d-dmir tal-Gvern li jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu.
Dan hekk kif residenti minn Pembroke li kienu rrabbjati għal dak li qed iseħħ fil-lokalità tagħhom iddominaw konferenza tal-aħbarijiet tal- Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
Huma lmentaw li Dr Said messu attenda nhar it-8 ta’ Awwissu, meta saret il-protesta kontra proġett propost għall-bini ta’ skola f’art verġni  biex jieħu pożizzjoni.
Il-konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema tal-Kunsilli Lokali daret fuq it-tħassib tar-residenti, fejn Dr Said wieġeb għadd ta’ domandi.
Intant Dr Said tkellem ukoll dwar il-Kunsilli Lokali li fi kliemu dawn qegħdin hemm biex jaqdu liċ-ċittadini.
Huwa qal li l-Kunsilli Lokali ilhom 25 sena mwaqqfin u għalhekk wasal iż-żmien biex tiġi analizzata l-ħidma tagħhom.
Huwa elenka għadd ta’ proposti li fi kliemu jekk ikun elett Kap se jkun qed jiddiskuti u jimplimenta fosthom jinħatar direttur fi ħdan il-Partit biex jikkordina l-ħidma parlamentari ma’ dik amministrattiva fi ħdan il-Kunsilli Lokali, jinżammu laqgħat bejn il-kumitat sezzjonali u l-kunsilliera lokali tal-Partit, konferenza nazzjonali b’temi ta’ interess għall-Kunsilli Lokali, laqgħat mal-kunsilliera, jingħata spazju mill-midja tal-PN għall-Kunsilli Lokali u darba f’ġimgħa jaħdem minn lokalità differenti biex ikun viċin il-poplu.
Żied jgħid li l-indafa għandha tkun prijorità għall-Kunsilli Lokali.
"Ma hemmx diverġenzi tal-Gvern fuq temi ambjentali" – Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol
Fi stqarrija b'reazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li mhux minnu li fil-Gvern hemm diverġenzi fuq temi ambjentali.
Saħaq li l-manifest tal-Partit Laburista jitkellem ċar u jgħid li l-ambjent għandu jingħata l-importanza meħtieġa u l-iżvilupp għandu jsir b’mod sostenibbli. 
Iddeskriva bħala "allegazzjoni falza" kumment ta' Chris Said meta qal li Evarist Bartolo qal li “Pembroke m’għandux jibqa’ pulmun."