Dibattitu PN: Adrian Delia ma jweġibx

9 minuti qari

Waqt it-tieni u l-aħħar dibattitu bejn l-erba’ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ma weġibx dwar kif se jidħol fil-Parlament jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa lanqas ma wieġeb għall-mistoqsijijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar dokumenti ppubblikati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li fost oħrajn jallegaw li hu għandu kont bankarju f’Jersey fir-Renju Unit.
Kien il-ġurnalist tat-Times of Malta, Kurt Sansone, li staqsa lil Adrian Delia jekk jafx hemmx min iċedilu postu fil-Parlament jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dr Delia wieġeb fit-tul dwar aspetti oħra tal-mistoqsija, iżda baqa’ ma qal xejn kif se jirnexxielu jsir Membru Parlamentari
Newsbook.com.mt għamel l-istess mistoqsija, iżda Dr Delia reġa’ ma weġibx.
Il-ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt, Charmaine Attard, staqsietu wkoll jekk jiddeskrivix id-dokumenti, ippubblikati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bħala foloz. Adrian Delia wieġeb biss: “jiena ma għidtx hekk,” u qal li ma għandux iżjed ħin biex iwieġeb.
Anke waqt il-konferenza ta’ dalgħodu, Newsbook.com.mt wera dokument ippubblikat minn DCG, fuq letterheads tal-HSBC, li kien juri li sar ħlas ta’ £2,000 mill-kont ta' Eve Patricia Bajada (Numru tal-kont: 026-056341-401) għall-kont f’Barclays Bank PLC, li jġib bħala isem, Dr Adrian Delia.
Mingħajr ma ċaħad li sar dan it-trasferiment, Dr Delia qal li dwar dak li kitbet Caruana Galizia fetaħ diversi libelli.
Newsbook.com.mt staqsa wkoll lil Adrian Delia kif jista’ jgħid li l-Kumitat ta' Etika ma sab xejn kontrih u ma tahx lanqas twiddiba, meta f’paġna sitta, ir-rapport jgħid: “il-Kumitat iqis li hemm aspetti oħra pendenti li għadhom mhux iverifikati, u li Dr. Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu tal-kont u l-legalità tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi.”
Dr Delia wieġeb biss billi rrefera għal parti oħra tal-istess paragrafu fejn il-Kumitat jgħid li “japprezza l-limitazzjonijiet, inkluż ta’ kunfidenzjalità professjonali, li jista’ għandu Dr Delia bħala avukat. 
“L-uniku establishment f’pajjiżna jinsab f’Kastilja” – Chris Said
Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said beda d-dibattitu billi qal li l-uniku establishment li hawn fil-pajjiż jinsab f’Kastilja, waqt li semma lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Ministru Konrad Mizzu, liċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru Chris Cardona.
Fl-aħħar jiem, il-kandidat Adrian Delia kien kritiku ħafna għal dak li sejjaħ bħala l-establishment tal-Partit Nazzjonalista u li fi kliemu jinsab marbut mas-siġġu tal-poter.
Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija dwar ir-relevanza li għad għandu l-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li l-PN għadu relevanti għax in-nies qed jitkellmu fuq il-Partit Nazzjonalista u se jkun aktar relevanti wara s-17 ta’ Settembru.
Il-kandidat Frank Portelli qal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ relevanti jekk jisma’ dak li qed jgħidu n-nies.
Min-naħa tiegħu, Alex Perici Calascione wiegħed li frott l-esperjenza li għandu, imexxi ‘l quddiem kull fejn hemm bżonn inbidel, bl-istess determinazzjoni li fi kliemu l-Partit Nazzjonalista biddel il-pajjiż.
Fl-aħħar nett, il-kandidat Adrian Delia qal li l-pajjiż huma maħkum mill-ftit u mill-korruzzjoni u għalhekk ma għadux liberu. Irrefera għall-Innu tal-Partit Nazzjonalista u fakkar li “l-ġlieda hija tal-art tagħna” u mhux tal-partit biss.
"Nirrispetta lil Simon Busuttul imma nirrispetta aktar ir-rieda tal-Kunsilliera" – Adrian Delia
Dwar dak li seħħ ilbieraħ, il-Kandidat Adrian Delia qal li jirrispetta lil Simon Busuttil imma jirrispetta aktar ir-rieda tal-Kunsilliera li se jkunu qed jivvutaw.
Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija dwar jekk hux se jaħdem ma’ Simon Busuttil u mad-Deputat Jason Azzopardi u kif se jirnexxielu jidħol fil-Parlament.
Ilbieraħ Simon Busuttil qal li kien jirtira l-kandidatura tiegħu kieku kien minflok Delia.
Dwar Jason Azzopardi, Dr Delia qal li ma jarax u ma jridx jara l-kummenti tad-Deputat Jason Azzopardi għax fi kliemu għamel “kampanja personali” kontra tiegħu.
"L-id moħbija" kellha intenzjoni" – Alex Perici Calascione
Il-Kandidat Alex Perici Calascione qal li l-id wara l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu hija “moħbija” għax l-ittra kienet anonima u anke għax ħarġet fi żmien delikat.
Huwa kien qiegħed iwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk kienx qed jirreferi għal Adrian Delia meta, waqt li rreaġixxa għall-allegazzjonijiet, qal li dan mhux “mod ġdid.”
Mingħajr ma kkonferma jew ċaħad li kien qed jirreferi għal Adrian Delia, huwa qal biss li huwa ċar li “l-id kienet moħbija” u li warajha kien hemm intenzjoni.
Saħaq ukoll li l-kandidati kollha qegħdin jaħdmu għat-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa tiegħu, Adrian Delia qal li juri solidarjetà ma’ Dr Perici Calascione u fuq kull min jirċievi dawn l-allegazzjonijiet.
“L-ekonomija mhux sejra tajjeb għal kulħadd” – Frank Portelli
ll-Kandidat Frank Portelli qal li filwaqt li l-Gvern ta’ artijiet bis-soldi, hawn min mhux qed iħoss il-ġid li qed tiġġenera l-ekonomija.
Saħaq li hawn 60,000 pensjonant li mhux ilaħħqu mal-ħajja, mingħajr ma’ qal minn fejn ġab iċ-ċifri.
Huwa u jwieġeb lil Newsbook.com.mt, dwar s’se jagħmel biex jiġbed in-nies lejn il-PN u jassigura li kulħadd jibqa’ jgawdi mill-ekonmija, Frank Portelli qal li li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, se jkun viċin il-batut.
"Mhux se ngħid li kull ma sar qabel kien ħażin" – Alex Perici Calascione
Alex Perici Calascione qal li mhux se jaqa’ fin-nassa u jgħid li kull ma sar qabel, taħt Simon Busuttil, kien ħażin.
Qal li hu se jibni fuq it-tajjeb li sar u jġedded dak li seta’ sar aħjar.
Minkejja dan huwa ma weġibx dwar jekk hux se jirnexxielu jikseb appoġġ meta kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali u anke tal-Parlament Ewropew u qatt ma ġie elett.
"Se nżomm ir-rapport tal-Kumitat ta' Etika bħala ċertifikat" – Adrian Delia
Il-Kandidat Adrian Delia insista li l-allegazzjonijiet mhumiex fil-konfront tiegħu, imma kif spjega fl-aħħar jiem, fil-konfront ta’ klijent tiegħu.
Il-ġurnalisti staqsewh jekk ikunx ta’ ġid għall-Partit Nazzjonalista jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni u jkollu jqatta l-ħames snin li ġejjin jiddefendi ruħu minn dawn l-allegazzjonijiet.
Delia insista li hu għandu x’jaqsam biss “mal-istejjer” bħala avukat ta’ klijent.
Insista li hu se jibqa’ jiffoka fuq il-politika tal-integrità u l-onestà.
Saħaq li l-Kumitat tal-Etika ma sab xejn fil-konfront tiegħu u li kieku sab seta’ tah almenu twiddiba. Qal li se jżomm ir-rapport “bħala ċertifikat.”
"Il-PN ma jridx jibqa' jibża' jistqarr dak li jemmen fih" – Chris Said
Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa' jibża’ jistqarr dak li jemmen.
Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Chris Said qal li jekk ikun elett, irid jaħdem favur id-dinjità tal-bniedem, il-valur tal-ħajja mill-bidu sat-tmiem tagħha u l-ġid komuni fost oħrajn.
Dwar l-ekonomika, Chris Said qal li bħala kap se jaħdem biex inaqqas id-distakk bejn is-sinjur u l-fqir.
Semma fost oħrajn il-pensjonijiet u qal li din trid tkun aktar addegwata biex il-pensjonanti jlaħħqu mal-ħajja.
“Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma tħaddimx f’din l-elezzjoni” – Frank Portelli
Waqt li Chris Said kien qed jitkellem fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà waqqfu l-kandidat Frank Portelli li fi kliemu dan il-prinċipju ma tħaddimx fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Insista li t-tesserati kellhom jivvutaw għall-erba’ kandidati kollha kemm huma.
"Qatt ma kien hemm arranġamenti bejn id-db Group u l-PN" – Alex Perici Calascione
Alex Perici Calascione qal li ma hemm u qatt ma kien hemm l-ebda arranġament bejn il-db Group u l-Partit Nazzjonalista.
Spjega li ftehim kummerċjali li kien hemm bejn db Group u Media.Link Communications hija xi ħaġa li ma kinitx taqa’ taħtu bħala teżorier tal-Partit Nazzjonalista.
 "Ma naqbilx li tieħu dritt ta' xi ħadd biex tagħtih lil ħaddieħor" – Frank Portelli
Mistoqsi jekk 'Back to Basics' (il-motto tal-kampanja ta' Dr Portelli) hux se jkun ifisser it-teħid tad-drittijiet lill-persuni LGBTIQ, fosthom iż-żwieġ ċivili, il-kandidat Frank Portelli wieġeb fin-negattiv.
Saħaq li hu jaqbel li persuni gay ikollhom id-drittijiet kollha.
Dr Portelli kompla jispjega li hu ma jaqbilx biss li jittieħed dritt ta’ ħaddieħor biex jingħata lill-ieħor.
Huwa kien qed jirreferi għat-tneħħija tal-kliem “omm” u “missier” u oħrajn u li fil-Liġi ġdida tal-Żwieġ inbiddlu b’terminu aktar ġeneriku: “ġenitur.”
“Ma tħottx knisja biex tibni oħra,” qal Portelli.
X'se jsir mil-lum 'il quddiem?
Nhar is-Sibt se jkunu qed jivvotaw il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Aktar kmieni din il-ġimgħa diġà vvutaw 128 kunsillier li ma jistgħux jivvutaw nhar is-Sibt.
Huma se jkunu qed jagħżlu żewġ kandidati li se jgħaddu għat-tieni fażi tal-elezzjoni. Jekk ikun hemm bżonn issir votazzjoni oħra, bejn tliet kandidati, nhar il-Ħadd.
Imbagħad ikun imiss it-tesserati biex waqt il-Konvenzjoni Ġenerali, ta' nhar is-16 ta' Settembru, jivvutaw għall-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Aqra hawn x'qalu l-kandidati waqt l-ewwel dibattitu tal-ġimgħa li għaddiet.