Engerer u Lowell xorta jistgħu jikkontestaw l-elezzjonijiet

minuta qari

Persuni li jissottomettu n-nomina tagħhom għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u jingħataw sentenza sospiża ta’ priġunerija mill-Qorti, xorta waħda jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjoni.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li wara t-tibdil Kostituzzjonali li kien sar f’Marzu li għadda inbidlet is-sezzjoni dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Fl-emendi li kienu saru b’mod partikolari l-Artiklu 19, it-tibdil wassal biex dawk il-persuni li jkollhom sentenza effettiva ta’ priġunerija biss ma jkunux jista’ jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-24 ta’ Mejju li ġej.
Il-mistoqsija jekk persuna b’sentenza sospiża tistax tikkontesta għall-elezzjoni bdiet issir eżatt wara l-aħbar li Cyrus Engerer ingħata sentenza sospiża mill-Qorti.
Apparti Engerer hemm ukoll Norman Lowell mill-Imperium Ewropa li kien ingħata sentenza sospiża fl-2013.
Il-Kummissjoni Elettorali tistħarreġ il-kandidaturi kollha li jaslulha iżda bl-emendi li saru fl-aħħar xhur ma tistax ma taċċettax in-nomina ta’ persuni li l-Qorti tagħtihom sentenza sospiża.
Baqgħet fis-seħħ il-klawsola li persuna b’sentenza effettiva ta’ priġunerija ma tistax tikkontesta.