Home Aħbarijiet €40,000 offruti lill-għaqdiet li jaħdmu favur l-annimali

€40,000 offruti lill-għaqdiet li jaħdmu favur l-annimali

minuta qari

Tnieda l-fond tal-Animal Welfare biex tingħata l-għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu f’dan is-settur.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Petting Farm f’Ta’ Qali, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li l-fond għal din is-sena se jkun ta’ €40,000.
Spjega li l-organizzazzjonijiet li se jintlaqtu l-aktar minn din il-miżura jkunu s-santwarji tal-annimali, NGOs u gruppi oħra li joffru servizzi ta’ għajnuna lill-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-fond għandu l-għan li jtejjeb il-mod kif jinżammu u jiġu kkurati l-annimali.
Żied jgħid li l-għajnuna finanzjarja se tkun aġġudikata fuq tliet kriterji prinċipali: it-titjib tal-faċilitajiet ta’ santwarji u postijiet fejn jinżammu u jiġu kkurati l-annimali; spejjeż relatati ma’ trattamenti veterinarji, mediċini, ikel u trasport, u proġetti għat-tiswija tal-klieb u qtates tat-triq.
Il-fond se jitħaddem minn kumitat li twaqqaf apposta, li jinkludi rappreżentanti tal-Gvern, iċ-Ċermen tal-Kunsill tal-Animal Welfare u rappreżentant tal-Kunsill Malti responsabbli mis-settur tal-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech