F’sentejn tiħrax il-persekussjoni kontra l-Insara

3 minuti qari

Il-persekuzzjoni tal-Kristjani, fl-aktar reġjuni magħrufa għall-persekuzzjoni tal-Insara, żdiedet ftit mhux ħażin minn sentejn ilu ‘l hawn.
Dan joħroġ minn rapport ippubblikat mill-Organizzazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need u li ġie mniedi f’Malta fl-aħħar jiem.
Ir-rapport isemmi kif il-persekuzzjoni tal-Insara, minħabba l-fidi tagħhom, qed tħallihom mingħajr l-ebda għażla ħlief li jaħarbu minn pajjiżhom, iżda jinnota wkoll li għal xi raġuni jew oħra, din il-persekuzzjoni mhux qed tingħata importanza mill-midja.
Ikun hawn minn meta jisma bil-persekuzzjoni tal-Insara, moħħu jmur jiġri f’pajjiżi ta’ twemmin Musulman, forsi għax hekk tgħallimna u hekk biss qrajna fuq il-midja.
Iżda skont ir-rapport, fost il-pajjiżi fejn marret ħafna għall-agħar is-sitwazzjoni tal-Insara hemm iċ-Ċina u anke l-Korea ta’ Fuq.
Pajjiżi oħra fejn l-Insara huma ppersegwitati hemm l-Eġittu, l-Eritrea, l-Indja, l-Iran, l-Iraq, in-Niġerja, il-Pakistan, l-Arabja Sawdija, is-Sudan, is-Sirja u t-Turkija.
Dawn huma ftit mill-punti li sab ir-rapport pajjiż b’pajjiż:

  • Korea ta’ Fuq: L-atroċità kontra l-Insara qed tieħu forom estremi. Insara qed jitħallew imutu bil-ġuħ, imġiegħla jagħmlu abort, imsallba u maħruqa u oħrajn mgħaffġa taħt steamrollers
  • Fiċ-Ċina: Il-President jiddeskrivi l-Kristjaneżmu bħala “infiltrazzjoni barranija.” Dan wassal għal akkużi fuq komunitajiet Insara li qed jirreżistu l-kontroll tal-Gvern. Madwar 2,000 knisja iġġarrfu fi żmien sena. Is-salib tneħħa minn kullimkien. Hemm reġjuni fejn l-anqas siġra tal-Milied jew kartolina ma hi permessibbli.
  • Iraq: Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, l-iktar knejjes antiki fid-dinja se jkunu nqerdu kollha fi żmien tliet snin. B’kollox inqerdu 12,970 dar f’villaġġi Insara. 120,000 persuna kellhom iħallu djarhom.
  • Sirja: F’Aleppo mhedda waħda mill-ikbar komunitajiet Insara fil-Lvant Nofsani.
  • F’dawn iż-żewġ pajjiżi, militanti tal-ISIS wettqu ġenoċidju wieħed wara l-ieħor bl-Insara fost l-iżjed fil-mira  
  • Niġerja: Bħall-militanti tal-ISIS, dawk tal-Boko Haram wettqu ġenoċidju kontra l-Insara. 1.8 miljun persuna kellhom jaħarbu. 5,000 persuna spiċċaw romol u 15,000 tifel u tifla orfni.
  • In-nazzjonaliżmu reliġjuż qed jerfa’ rasu u f’postijiet bħall-Indja qed iwassal għall-vjolenza u l-oppressjoni tal-Insara. Dawn żdiedu minn meta l-Prim Ministru Narenda Modi ħa l-poter fl-2014. 
  • Eġittu: huwa illegali li tikkonverti minn Musulman għal Kristjan.

Ir-rapport jispjega kif ir-rebħa fuq militanti tal-ISIS, u militanti oħra Iżlamiċi fil-Lvant Nofsani qed tagħti l-aħħar tama lill-komunitajiet Insara iżda jwissi li ħafna minnhom ma jifilħux għal attakk vjolenti ieħor.
Għalhekk, ħafna minn dawn il-komunitajiet jinsabu mhedda li jispiċċaw għal kollox.
Aid to the Church in Need tagħti għajnuna u sapport lill-Insara ppersegwitati f’140 pajjiż.
 
Ritratt: ACN