Home Aħbarijiet Faqar: “Tfal jiġru minn skola għal oħra minħabba l-kera” – Miceli

Faqar: “Tfal jiġru minn skola għal oħra minħabba l-kera” – Miceli

3 minuti qari

Charles Miceli, kelliem għall-Alleanza kontra l-Faqar u bniedem voċiferu f’das-settur, qal li wieħed mill-effetti tal-faqar hu l-ħsara li ssir bi tfal li jispiċċaw jiġru minn post għal ieħor, minn skola għal oħra, inkella jispiċċaw fi djar tat-tfal li mhux dejjem tkun deċiżjoni tajba għalihom.
Huwa u jitkellem waqt il-programm Newsline fuq RTK, ippreżentat minn Fr Joe Borg u Manwel Delia, Miceli kien mistoqsi jikkummenta dwar id-diskors tal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, f’Jum ir-Repubblika.
Fl-indirizza tagħha, il-President tkellmet dwar il-faqar u l-problema tal-kirjiet li bosta mhumiex ilaħħqu magħhom. Skontha, iż-żieda fil-prezzijiet tal-kirja jfisser li aktar u aktar nies se jispiċċaw iduru minn post għal ieħor għax ma jibqgħux kapaċi jlaħħqu ma’ kera li għoliet f’daqqa waħda.
Min-naħa tiegħu Miceli sostna li jiltaqa’ ma’ bosta każijiet ta’ tfal li ssirilhom il-ħsara minħabba dan l-iskariġġ kollu tul l-ewwel snin delikati ta’ ħajjithom.
Semma koppji li minn Malta marru Għawdex għax sabu b’irħas, imbagħad għollewlhom il-kirja u kellhom jerġgħu jiġu Malta f’post differenti milli kellhom.
Miceli nnega l-idea li persuna tispiċċa fil-faqar għax għażżiena, u hawnhekk wieħed mill-preżentaturi rrakkonta storja li ltaqa’ magħha dil-ġimgħa.
Delia qal li raġel ta’ madwar 35 sena qallu li kien iħallas €400 kera l-Fgura, u meta mietet ommu sid il-kera tah ġimagħtejn ċans biex jibda jħallas €700 kirja. Fl-istess żmien ir-raġel ħariġlu kanċer f’siequ, u kellu jieqaf mix-xogħol.
Minħabba dan kollu r-raġel spiċċa jorqod fejn isib fil-ġonna pubbliċi.
“Qed nitkellmu fuq minoranza li ma jifilħux iħallsu l-kera” – Miceli
Miceli rrimarka li madwar 80% tal-popolazzjoni għandhom il-postijiet tagħhom, filwaqt li l-20% jħallsu l-kera. Minn dawn hemm ħafna li għadhom bil-kera ta’ qabel l-1995, u oħrajn bil-kera tal-Gvern.
Għalhekk qal li madwar minn 3% sa 5% li jsibu dawn il-problemi finanzjarji, iżda xorta dawn l-istejjer ta’ nies li ma jkollhomx fejn jgħixu huma realtà.
Mistoqsi għaliex ċifra żgħira bħal din ma tissolviex, Miceli enfasizza li hemm limitu ta’ kemm tista’ tibni biex takkomoda lil kulħadd.
Semma t-3,000 persuna li hemm jistennew biex jieħdu l-akkomodazzjoni tal-Gvern, u qal li la dawn jinbnew, b’dir-rata l-lista ta’ stennija tkompli tikber.
Skont Miceli, is-soluzzjoni hi li bil-White Paper imħabbra fil-Baġit għall-2018, il-Gvern jibda jirregola s-suq tal-kera.
Fakkar li fl-aħħar 20 sena l-idea ta’ gvernijiet differenti kienet li s-suq isuq, anki f’das-settur, iżda issa jemmen li l-affarijiet qed jiċċaqalqu bil-White Paper.
Aċċenna li l-importanti hu li wieħed ma jkaxkarx saqajh fuq l-emendi meħtieġa.