Home Aħbarijiet ​Filmat: Assassinju DCG: L-aħħar żviluppi

​Filmat: Assassinju DCG: L-aħħar żviluppi

4 minuti qari

Daħlu fir-raba’ jum tagħhom l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Filmati li ġibed Newsbook.com.mt juru l-esperti forensiċi jeżaminaw il-post fejn seħħ il-qtil brutali nhar it-Tnejn li għadda fi Triq il-Bidnija.
Jidher ukoll li x-xena tar-reat inqasmet f’sezzjonijiet differenti, biex kull parti tiġi miflija bir-reqqa, bil-għan li possibbilment jinstabu fdalijiet tal-apparat u tip ta’ splussiv li ntuża biex splodiet il-bomba.
Minkejja li t-Taqsima tal-Midja tal-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li f’dan l-istadju l-Korp ma jistax iwieġeb mistoqsijiet bit-telefown u li dawn għandhom jintbagħtu b’imejl, sorsi fi ħdan il-Korp qed jiżvelaw informazzjoni dwar l-investigazzjoni ma’ midja differenti.
Il-Pulizija Maltija se tmexxi l-inkjesta
It-Times of Malta qed tirrapporta li l-investigaturi barranin se jkunu qed ‘jassistu biss’ lill-Pulizija Maltin, u li se jkun il-Korp tal-Pulizija f’Malta li se jmexxi l-inkjesta.
Investigaturi minn numru ta’ pajjiżi fosthom l-FBI Amerikana, ġew Malta biex jgħinu fl-investigazzjoni. Newsbook.com.mt hu infurmat li l-aġenti tal-FBI waslu Malta lbieraħ bil-lejl, u ingħaqdu fl-investigazzjoni ma’ esperti forensiċi Olandiżi u oħrajn ta’ Scotland Yard.
Sorsi qrib il-Korp qalu ma’ The Times, li fejn il-Korp jeħel milli jwettaq ċertu testijiet, bħal data scanning, jitlob l-ispeċjalizzazzjoni ta’ dawn l-entitajiet barranin.
L-awtopsja mistennija ssir illum
Sadanittant Newsbook.com.mt hu infurmat li l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Daphne Caruana Galizia mistennija ssir illum.
Il-fdalijiet tagħha nġabru minn fuq ix-xena tad-delitt it-Tlieta filgħaxija, fuq ordni tal-Maġistrat. Ilbieraħ filgħodu saru testijiet forensiċi mit-tabib Mario Scerri.
Għadu mhux magħruf meta l-katavru se jiġi rilaxxat għad-difna.
X’intuża u kif?
Sorsi qalu ma’ The Times, li probabbilment, il-bomba li ħasdet il-ħajja ta’ DCG, kienet immaniġġjata minn mowbajl, bl-investigaturi jittamaw li din tgħinhom jillokalizzaw il-qattiel, meta saret it-telefonata fatali.
Kemm it-Times kif ukoll il-MaltaToday qed jirrappurtaw li mit-tifrik tal-karozza, ġie elevat il-laptop ta’ Caruana Galizia.
Il-laptop tal-ġurnalista nħaraq u tfarrak bil-qawwa tal-isplużjoni u n-nirien, iżda mhux eskluż li xi informazzjoni tkun tista’ tiġi aċċessata. Il-Pulizija qed jiflu wkoll il-kitbiet ta’ DCG fl-aħħar xhur, fosthom meta kitbet li qed tirċievi theddid fuq ħajjitha.
Skont it-Times, l-investigaturi qed janalizzaw apparat elettroniku ieħor fid-dar tal-ġurnalista.
Madanakollu, ipoteżi oħra hija li l-bomba twaħħlet ma’ qiegħ il-karozza, fuq quddiem, in-naħa tal-passiġġier.
Mal-ġurnal bl-Ingliż, l-investigaturi qalu wkoll li Caruana Galizia kienet ipparkjat il-karozza fi sqaq żgħir li jwassal għad-dar tagħha.
Skont l-istess rapport, qed jitqies, li l-bomba kienet tikkonsisti primarjament mis-Semtex – splussiv b’saħħtu, li f’Malta ma ntuża qatt f’każi oħra ta’ bombi fuq karozzi.
Mill-ħsara fuq il-karozza, jirriżulta li nofs kilogramma ta’ splussiv kienet ippakkjata fil-bomba.  Qed jiġi rrappurtat li fil-każ ta’ Lockerbie fl-1988, kien intuża ammont simili tal-istess splussiv.
Suspettati? 
Min-naħa tagħha, The Malta Independent tikkwota sorsi qrib l-investigazzjoni jgħidu li hem possibilità ta’ involvement ta’ barranin f’dan il-każ makabru.
L-Independent irrappurtat ukoll li l-karozza tal-kiri, li kienet qed issuq DCG, ilbieraħ filgħaxija ttieħdet f’Pembroke fejn il-Pulizija qed tissokta bl-investigazzjonijiet. Il-karozza kienet skortata b’mill-inqas erba’ karozzi tal-pulizija u tnejn pajżana.
Il-Ministru jgħid li l-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux jirriżenja
Sadanittant, il-MaltaToday irrappurtat ukoll silta mill-programm li se jixxandar illejla fuq l-istazzjon nazzjonali, fejn f’intervista l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia ddefenda lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab għar-riżenja tal-Kummissarju din il-ġimgħa.
Il-Ministru qal ukoll li filwaqt li Caruana Galizia rrifjutat li jkollha l-protezzjoni mad-dar, il-Kummissarju tal-Pulizija ma kellu l-ebda dritt li jibgħat uffiċjali wara l-bieb tad-dar tagħha, kontra x-xewqa tagħha.
Filmat u ritratt: Ian Noel Pace