Filmat: “Xħin rebħet binti, aġixxejt qisni rbaħt logħba futbol” – Ndubisi Chuckunyere

2 minuti qari

Ftit sekondi wara li tħabbar li bintu Destiny se tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision ta' Novembru li ġej, il-player Chuckunyere stqarr li kif sema' r-riżultat kien fis-sala u aġixxa eżatt bil-mod li soltu jaġixxi meta jirbaħ fil-grawnd tal-football.
Fl-ewwel intervista esklussiva li ta eżatt wara r-rebħa ta' bintu, ma' Newsbook.com.mt  Chuckunyere esprima s-sodisfazzjon u l-gratitudni lejn il-poplu Malti għal dak li għamlu ma' bintu. "Meta smajt li rebħet mill-ġurija ħadt pjaċir, imma meta smajt li anke l-poplu Malti għażel lil binti bit-televoting aktar u aktar fraħt."
Mistoqsi minn fejn jaħseb li bintu ġabet din il-vuċi li saħħret lill-udjenza, spjega li l-familjari tiegħu ikantaw fil-kor tal-knisja lokali fejn jgħixu u allura, jemmen li din il-vuċi intirtet minn ġenerazzjoni għal oħra f'familtu.
Meta mitlub jgħaddi messaġġ lil bintu, sostna li jgħidilha li għandha tapprezza s-suċċess imma li trid taħdem ħafna aktar biex iżżomm il-livell li laħqet u tkompli tikseb aktar suċċess.  Fi kliemu: "Is-suċċess huwa faċli li takkwistah, imma diffiċli ħafna li żżommu"!
Tista' tara l-intervista kollha fil-filmat.
Filmat u ritratt: Charlene Azzopardi