Filmat: Jirrakkonta mal-Għawdxin meta ħatfuh l-ISIS

2 minuti qari

Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, żewġ appostli li rċevew il-martirju minħabba l-fidi tagħhom. Din il-festa hija ċċelebrata bil-kbir fin-Nadur u din is-sena l-poplu tan-Nadur qed jilqa' miegħu saċerdot li jaħdem mill-qrib mal-Insara ppersegwitati fl-Iraq.
Fr Douglas Bazi, Saċerdot Kaldew, kien ġie maħtuf u ttorturat minn grupp ta’ militanti Iżlamiċi. Wara li kien meħlus mar jaħdem mal-Insara f’Mosul iżda f’Ġunju li għadda kellu jħalli l-Belt ma’ 120,000 Nisrani ieħor minħabba l-persekuzzjoni.
Fil-messaġġ tiegħu, Fr Douglas Bazi spjega li jinsab Malta biex jitlob l-għajnuna tal-Maltin. Qal li aktar mill-flus u l-mediċina, jixtieq li l-Maltin jitolbu għall-Insara tal-Iraq. Spjega li l-Insara tal-Iraq jixtiequ jsibu ħbieb fl-Insara Maltin. Minkejja d-differenza fil-lingwa, fil-Liturġija u fid-distanza, l-Insara huma parti minn ġisem wieħed li hu l-Knisja u r-ras tagħha huwa Kristu.
Fr Douglas Bazi qal li l-poplu tal-Iraq, fosthom hu stess, qattgħu ħajjithom fil-gwerra. Żied li l-Insara tal-Iraq ma jafux xi tfisser kumdità, iżda jgħixu kontinwament fil-biża u l-persekuzzjoni.
Ix-xewqa tas-Saċerdot Iraqi, hija li l-poplu Malti jkun il-vuċi tal-Insara fl-Iraq. Qal li ż-żmien jgħaddi, u l-Istat Iżlamiku jintesa’, iżda żied li l-poplu Iraqi mhux se jinsa lil dawk li għenuh.
Fl-aħħarnett, talab it-talba tal-Missierna bl-Aramajk, il-lingwa li kien jitkellem Ġesù stess, u wassal lill-poplu Malti u Għawdxi l-barka tiegħu.
Fil-ġranet tal-festa titulari, il-komunità parrokjali tan-Nadur ġabru flus għall-Insara tal-Iraq.