Home Aħbarijiet Filmat: Mhux permess xogħol fit-toroq fil-ħin tat-traffiku

Filmat: Mhux permess xogħol fit-toroq fil-ħin tat-traffiku

3 minuti qari

Lejlet sena skolastika ġdida, il-Gvern ħa diversi miżuri bil-għan li jonqos it-traffiku fil-ħinijiet li fihom l-iżjed li jinġabar tarffiku, filgħodu u waranofsinhar.
Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Trasport ħabbar li l-Kunsilli Lokali ġew iggwidati biex ma joħorġux permessi għall-għeluq ta’ toroq, anke jekk parzjalment, waqt il-peak hours bejn is-07:00am u d-09:00am.
Xogħol ieħor, bħat-tisqija ta’ fjuri u siġar fit-toroq, ukoll mhux permess waqt dawn il-ħinijiet.
Għada  Transport Malta se tkun qed iżżid in-numru ta’ uffiċjali tal-infurzar stazzjonati fit-toroq biex jiggwidaw it-traffiku u jagħtu assistenza immedjata f’każ ta’ diffikultà
Transport Malta se tkun ukoll qed tagħmel monitoraġġ tat-toroq miċ-ċentru tal-kontroll u ġie mħejji numru ta’ emerġenza – 8007 3399 – sabiex tingħata għajnuna immedjata lis-sewwieqa li jkollhom xi diffikultà, permezz ta’ tow trucks li se jkunu stazzjonati f’reġjuni differenti.
Dan is-servizz b’xejn ġie mħejji bl-għan li jnaqqas l-impatt tal-konġestjoni li tkun kawża tal-inċidenti u diffikultajiet oħra.
Transport Malta nediet ukoll kampanja edukattiva li tinkludi serje ta’ filmati, posters, u avviżi fuq ir-radju, bl-għan li tqajjem kuxjenza dwar is-sigurtà fit-toroq, ittejjeb l-atteġġjament tas-sewwieqa u tnaqqas il-konġestjoni.
L-ewwel filmat huwa dwar il-bumper to bumper. Inċident żgħir f’nofs ta’ triq jista’ jikkawża kju twil u jqajjem ansjetà bla bżonn f’sewwieqa oħra. Il-filmat juri x’irid isir f’każ ta’ inċident żgħir bħal dan.
L-imblukkar tat-triq huwa offiża, u uffiċjali tal-infurzar jistgħu jagħtu ċitazzjoni ta’ €100.
Apparti dan, Transport Malta qed taħdem viċin ħafna mal-app u l-paġna ta’ FacebookMaltese Roads Traffic Updates sabiex is-sewwieqa jippreparaw aħjar il-vjaġġ tagħhom.
Ġie iffurmat tim ta’ invervent rapidu fejn uffiċjali fuq il-muturi jkunu jistgħu jilħqu nħawi fejn ġara xi inċident, minkejja t-traffiku.
Il-Ministeru fakkar ukoll li bdew ‘il fuq minn 25 proġett inbdew dan is-sajf bl-għan li jittejbu junctions kruċjali u jinbnew mill-ġdid numru ta’ toroq
Temm jgħid li bħalissa qegħdin jitħejjew ukoll pjanijiet u għaddejjin studji dwar l-introduzzjoni ta’ mass rapid transport system.