Home Lifestyle Filmat: Tfal mhedda b’ħajjithom jirrifjutaw li jiċħdu l-fidi

Filmat: Tfal mhedda b’ħajjithom jirrifjutaw li jiċħdu l-fidi

3 minuti qari

Patri Firas Lufti, Franġiskan li jservi fil-Belt Sirjana ta’ Aleppo, irrakkonta l-esperjenza tal-Insara u l-persekuzzjoni li għaddew minnha f’din il-Belt li filli kienet rikka fl-istorja u l-patrimonju u filli spiċċat baħħ.
Minkejja l-persekuzzjoni, Patri Firas Lufti tkellem dwar ix-xhieda ta’ Insara, fosthom tfal, li f’mumenti kruċjali jibqgħu jiddefendu t-twemmin tagħhom u jirrifjutaw li jċedu għall-pressjoni ta’ militanti Iżlamiċi.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK, is-saċerdot semma esperjenza ta’ grupp tat-tfal Insara li nqabdu minn ġiħadisti li wrewhom filmati vjolenti ta’ kif spiċċaw Insara oħra li baqgħu jiddefendu l-fidi tagħhom u rrifjutaw li jikkonvertu għall-Iżlam.
Minkejja dan, spjega kif dawn it-tfal baqgħu sodi fil-fidi tagħhom u ma ċedewx għall-pressjoni.
Qal li dawn it-tfal taw xhieda qawwija lill-Insara ta’ Aleppo u saħaq li jinsab ċert li kien l-Ispirtu s-Santu li kien magħhom, tant li nħelsu wara xi jiem.
Iżda Patri Firas Lufti spjega kif mhux l-Insara biss ġew maqtula u ppersegwitati, iżda anke Musulmani oħra li ma aċċettawx il-mudell tal-Iżlam li wieħed ried isegwi ‘fl-Istat Iżlamiku.’
 

Aleppo kienet meqjusa l-kapitali tal-kummerċ tas-Sirja u kienet imżejna b’patrimonju kbir, uħud minnu meqjus bħala wirt dinji u patrimonju tal-umanità, iżda llum, fi kliem Patri Lufti, Aleppo saret “belt fantażma.”
F’sitt snin, il-gwerra bejn il-Gvern Sirjan u r-ribelli għamlet ħerba minn din il-belt bir-residenti tagħha, l-iżjed Insara, jispiċċaw vittmi ta’ fundamentalisti Iżlamiċi.
Is-saċerodot jitkellem dwar il-periklu imminenti li kienu fih l-Insara. Spjega kif mill-Knisja ta’ San Franġisk (fejn jaqdli l-missjoni tiegħu) u l-ġiħadisti ma kienx hemm aktar minn 100 metru.
Patri Firas Lufti kien jinsab Malta fuq stedina tal-Organizzazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need (ACN) Malta.
Apparti t-talb, ACN tiġbor donazzjonijiet kemm ta’ flus u anke ta’ ikel u riżorsi oħra biex jitqassmu fi djoċesijiet fejn l-Insara huma ppersegwitati.
Stephen Axisa, id-Direttur ta’ ACN Malta, qal li aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jgħin fid-diversi kampanji li jkunu għaddejin, tista’ tinkiseb minn fuq il-paġna ta’ Facebook jew inkella s-sit tal-istess organizzazzjoni.
Fl-aħħar ġimgħat, l-Organizzazzjoni ppubblikat rapport li juri kif il-persekuzzjoni tal-Kristjani, fl-aktar reġjuni magħrufa għall-persekuzzjoni tal-Insara, żdiedet ftit mhux ħażin minn sentejn ilu ‘l hawn.