Home Aħbarijiet Gabbana Birgu: “Se jeħdulna l-uniku post li fadlilna”

Gabbana Birgu: “Se jeħdulna l-uniku post li fadlilna”

2 minuti qari

Residenti Ġirbin għadhom ma qatgħux qalbhom u determinati li jkomplu jipprotestaw kontra l-bini ta’ gabbana fuq iż-żona magħrufa bħala s-simenta tal-Birgu.
Għadd ta’ residenti ilhom xhur jilmentaw ma’ Newsbook.com.mt dwar dan l-iżvilupp li fl-aħħar ġimgħat ingħata l-approvazzjoni.
Waħda mir-residenti, Miriam Grech, qalet ma’ Newsbook.com.mt li dan l-iżvilupp qed jhedded wieħed mill-uniku postijiet miftuħa li għad fadal għar-rikreazzjoni tal-Ġirbin, l-aktar dawk l-iżjed anzjani.
Sentejn ilu, ir-residenti kienu saħansitra ġabru 350 firma f’petizzjoni kontra din l-applikazzjoni u resqu għadd ta’ ittri joġġezzjonaw għall-gabbana.
Dak iż-żmien, is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, kien qal ma' Newsbook.com.mt li l-petizzjoni waslet wara li laħaq għalaq iż-żmien stipulat mill-MEPA għall-oġġezzjonijiet.
Fl-istess sena, l-applikazzjoni għal gabbana tal-ikel fiż-żona magħrufa bħala s-Simenta fil-Birgu ġiet sospiża wara li l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċeviet mandat ta’ inibizzjoni.
Minkejja dan, il-każ reġa’ qam wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni biddel id-deċiżjoni tal-Aworità tal-Ippjanar li rrifjutat l-applikazzjoni.
Miriam Grech qalet ma’ Newsbook.com.mt li r-residenti kuntenti bl-ambjent li sar hemm fil-Birgu, imma fi kliemha “issa se mmorru oltre minn hekk.”
“L-uniku post li fadlilna huwa s-simenta,” qalet Grech. “Pjazza ppakkjata bis-siġġijiet u l-imwejjed, ix-xatt mimli ristoranti, il-Collachio mimli winebars…is-simenta biss fadlilna u se nispiċċaw nifgawh.”
Minkejja dan kollu, ir-residenti mhux qed jaqtgħu qalbhom u għadhom qed joġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp. Fil-jiem li ġejjin, ir-residenti beħsiebhom jipprotestaw kontra dan l-iżvilupp, għax fi kliem Grech dan il-każ mhux jittieħed bis-serjetà.
“Mhux se naqtgħu qalbna,” temmet tgħid ir-residenta.