Kap PN: L-akkużi ta’ DCG fiċ-ċentru tal-ewwel dibattitu

8 minuti qari

L-allegazzjonijiet tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ tnejn mill-erba’ kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, kienu fiċ-ċentru tal-ewwel dibattitu li sar illejla bejn l-erba’ kontestanti: Adrian Delia, Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said.  

Fetaħ id-dibattitu Adrian Delia, li mill-ewwel tkellem dwar l-allegazzjonijiet li saru mill-ġurnalista fl-aħħar sigħat, li għandu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho.

Dr Delia qal li għada filgħodu se jiftaħ libell ieħor b’rabta mal-allegazzjonijiet. Dan wara l-libell li fetaħ dalgħodu fil-konfront tal-ġurnalista, fejn tenna kemm-il darba li hu mhux qed jigdeb meta jgħid li m’għandux kumpaniji jew kontijiet barra minn  Malta. 

Huwa stieden lil Daphne Caruana Galizia għal dibattitu quddiem il-ġurnalisti, dwar id-dokumenti kollha li għandha f’idha.
Dwar id-dokumenti ppublikati minn DCG, Delia qal li dawn ma jurux li l-flus huma tiegħu. Filwaqt li tenna li kontijiet u commissions barra minn Malta m’għandux, saħaq li hu qatt ma qal li ma jżommx kontijiet għan-nom ta’ terzi persuni.
Saħaq li minn komunikazzjoni li għamel mal-bank, f’telefonata rrekordjata, irriżulta li ma jidhirx li hemm kontijiet b’dawk id-dettalji fuq ismu. Kompla jgħid li issa qed jistenna mill-bank biex jagħtih l-informazzjoni dwar possibilità ta’ kontijiet fl-imgħoddi, li reġa’ tenna li jeskludi li kienu tiegħu.
Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Adrian Delia spjega li jekk hu joffri servizzi lil klijenti, dawn m’għandhomx x’jaqsmu miegħu. Staqsa jekk hux il-każ li avukat li jiddefendi kriminal, ifissirx li jkun kriminal hu wkoll.
Insista li l-akkużi huma skorretti, biex jiżvijjaw lill-kunsilliera u lit-tesserati b’mod ippjanat u maħsub. Staqsa xi skop hemm u jekk hemmx xi ħadd wara l-kwinti li jrid jibqa’ jiddetta l-aġenda tal-partit.
Delia qal li hemm differenza bejn allegazzjoni u li tinħoloq storja li ma teżistix.  Iddeskriva dak li qed jiġi żvelat bħala “tal-iskantament, tal-biki u tal-mistħija”.
Żied jgħid li meta suppost qiegħed f’tiġrija fejn suppost qed iġelled l-ideat tiegħu ma’ dawk tal-kontestanti l-oħra, qed ikollu jiddefendi lilu nnifsu mill-allegazzjonijiet.
Dr Delia naqas li jwieġeb direttament għall-mistoqsija jekk jemminx l-allegazzjonijiet li għamlet Caruana Galizia qabel l-elezzjoni ġenerali dwar il-kumpaniji fil-Panama. Madanakollu saħaq li fil-bidu tal-mixja tiegħu, mill-ewwel stqarr li jemmen f’politika bbażata fuq il-fatti. Żied jgħid li jekk ikun Kap tal-PN se jkompli jsegwi l-proċessi.
Stqarr li l-problema qabel l-aħħar elezzjoni “għadha teżisti”. Sostna li l-każ mhux jekk jitwemmnux l-allegazzjonijiet, imma li istituzzjonijiet bħall-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, naqsu mid-dmir tagħhom kif mitlub minnhom fil-Kostituzzjoni.
Adrian Delia qal ukoll li jekk jidħol fil-politika, mistenni jħalli warajh ir-rabtiet kummerċjali.
Dwar id-Dikjarazzjoni tal-Assi, Delia qal li se jkun qed jippubblikaha fil-jiem li ġejjin. Spjega li se jagħmel dan, minkejja li mhux obbligat qabel l-elezzjoni għall-Kap tal-PN.
"Affaċċjajt l-agħar kriżi finanzjarja tal-PN" – Alex Perici Calascione
Min-naħa tiegħu, Alex Perici Calascione tkellem dwar il-lealtà tiegħu lejn il-partit. Semma kif intalab biex isir teżorier tal-partit fl-aktar stadju diffiċli għall-finanzi li qatt affaċċja l-PN.
Affaċċja wkoll il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, fejn il-PN kien l-ewwel partit ewlieni li rreġistra, bil-PL jirreġistra disa’ xhur wara.
Dwar il-kwistjoni tal-Grupp db, Perici Calascione stqarr li affaċċjaha bħala teżorier tal-partit. Saħaq li qatt ma kien involut, la qabel u lanqas wara.
Insista li l-aġenda tal-PN għandu jsegwiha l-PN u mhux il-Gvern, il-Partit Laburista, jew xi ġurnalist.
Dr Perici Calascione, saħaq li hu minn dejjem kien iħaddan il-ħsieb politiku, li jqiegħed il-bniedem u l-iżvilupp sħiħ tiegħu fiċ-ċentru tal-politika, li fi kliemu ma jagħmilx distinzjoni abbażi ta’ razza, reliġjon u orjentazzjoni sesswali.
Perici Calascione ddikjara l-pożizjoni tiegħu kontra l-abort.
"Bżonn ta' ċensiment dwar l-immigranti u r-refuġjati f'Malta" – Frank Portelli
Dr Frank Portelli stqarr li fil-fehma tiegħu, irid isir ċensiment tal-immigranti u r-refuġjati f’Malta. Tenna l-pożizzjoni tiegħu, li l-ikbar theddida għall-Ewropa hi l-immigrazzjoni irregolari. Irrimarka kif f’Malta hawn 80,000 immigrant, li 3,000 minnhom biss ħaqqhom li jkollhom status ta’ refuġjat. Dr Portelli enfasizza, li min joħloq il-problemi għandu jitlaq.
Fisser kif inutli jiġi mgħajjar xenofobiku, meta l-immigrazzjoni hi l-iktar suġġett lil jinkwieta lill-Maltin. Semma l-lokalitajiet li fi kliemu għandhom problema kbira minħabba l-preżenza tal-immigranti: Il-Marsa, San Pawl il-Baħar, Birżebbuġa, is-Swieqi u Wied il-Għajn.
Waqt li rrefera għal kif il-PN mexa fl-emendi tal-liġi taż-żwieġ, Frank Portelli sostna li l-partit tilef id-direzzjoni. Saħaq li minkejja li ppreżenta 80 emenda u ma ġewx aċċettati, xorta vvota favur il-liġi u ma tax vot ħieles. Dr Portelli irrimarka li l-kuxjenza tiġi l-ewwel u qabel kollox. 
“Miegħi ħuti ma sabux ħajt ta’ kenn” – Chris Said
Mistoqsi dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kien sab li Chris Said bħala Segretarju Parlamentari, kien approva li jinqabżu baġits ta’ Kunsilli Lokali u li wieħed mill-Kunsilli Lokali ngħata kważi erba’ darbiet iktar fi skema partikolari, Dr Said stqarr li dakinhar hu ma kienx is-Sindku tan-Nadur, imma kien f’din il-kariga wieħed mit-13 minn ħutu.
Saħaq li l-pożizzjoni tiegħu ma’ ħutu kienet dejjem ċara, li min jiżbalja jrid iħallas, u li fih mhux se jsibu ħajt tal-kenn.
Dr Said kompla jgħid li meta ħutu żbaljaw, tressqu l-Qorti u ħadu li ħaqqhom.  Semma wkollnkif meta kien Segretarju Parlamentari u kien hemm allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu bħala avukat, għażel mill-ewwel li jirriżenja, sakemm jitnaddaf ismu.
Dwar l-emendi fil-liġi taż-żwiġijiet, Chris Said iċċara jekk ‘omm’ u ‘missier’ jerġgħu jiddaħħlu fil-liġi, mhu se jnaqqsu xejn mid-drittijiet l-oħra, “anzi l-persuna jkollha iktar għażla”.
L-4 kontestanti jaqblu mal-koalizzjoni tal-PN mal-Partit Demokratiku?

Adrian Delia: “Meta smajtha ma qbiltx magħha. Il-PN ħaseb li b’din l-alleazzjoni kien se jasal, imma l-kalkolu kien ħażin. Impenn immedjat għal investiment biex tissaħħaħ l-informazzjoni tal-partit”
Alex Perici Calascione:  “Nifhem il-loġika għala sar dak iż-żmien”
Frank Portelli:  “Jien ma kontx kontra li saret il-koalizzjoni. Nipprova nkompliha u nara jistax joħroġ ġid. Imma l-Kap il-ġdid irid jipprova lilu nnifsu kuljum”
Chris Said: “Fiċ-ċirkostanzi ta’ elezzjoni fil-qrib, id-deċiżjoni kienet tajba. Inżommha, imma rrid naħdem biex fl-elezzjoni li ġejja, il-PN ma jkollux bżonn koalizzjoni”
Jirriżenja jekk ma jonqosx id-distakk f’20 xahar?
Adrian Delia: “Il-Kap il-ġdid ma jistax jieħu responsabbiltà diretta u waħdu għar-riżultat tal-elezzjonijiet”
Alex Perici Calascione: “Ma nirriżenjax minn Kap tal-PN, jekk 20 xahar ieħor, ir-riżultat għall-PN fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali kollha, ma jkunx aħjar minn dak tal-elezzjoni ġenerali”
Frank Portelli:“Jekk ma nkunx irkuprajt mill-inqas 20,000 vot f’dawn is-sentejn, nitlaq”
Chris Said: “Dan huwa test għall-Kap il-ġdid. Il-partit irid ikun f’saħħtu meta jmur għal dawn l-elezzjonijiet”
X’wieġbu dwar il-każini?
Għall-kumment ta’ Adrian Delia dwar il-każini tal-PN:
Alex Perici Calascione saħaq li se jagħmel ħiltu kollha biex ma jinbiegħx każin wieħed. 
Frank Portelli qal li l-partit għandu ħafna kmamar li ma jintużawx, li jistgħu jinbidlu f’uffiċini li jinkrew. Semma wkoll it-teatru li jista’ jinkera. Saħaq li meta għandek l-assi trid tużahom.
Chris Said sostna li jekk jintużaw tajjeb il-każini m’għandhomx għaliex jinbiegħu. Minbarra ċentru politiku, jistgħu jintużaw kummerċjalment. 
Fit-2 ta’ Settembru isir l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet fejn il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali jagħżlu tnejn mill-erba’ kandidati, li mbagħad jgħaddu għall-konvenzjoni ġenerali li se titlaqqa’ fis-16 ta’ Settembru, biex jintgħażel il-Kap tal-PN.