Home Aħbarijiet Aġġornata: Ippubblikati ritratti taż-żgħażagħ mitlufa; sidien ta’ drones mitluba jgħinu

Aġġornata: Ippubblikati ritratti taż-żgħażagħ mitlufa; sidien ta’ drones mitluba jgħinu

2 minuti qari

Omm wieħed miż-żewġ żgħażagħ li ilhom nieqsa mill-Ġimgħa filgħaxija sabet iż-żewġ roti moħbija fl-inħawi ta' Fomm ir-Riħ.
Iż-żewġ żgħażagħ huma tnejn mill-erba' persuni rrappurtati nieqsa fl-aħħar sigħat u li għadhom ma nstabux.
Kelliema għall-Pulizija qalet ma' Newsbook.com.mt li l-Pulizija qed ifittxu dawn l-inħawi iżda sa issa kollu għalxejn.
Ilbieraħ sajjieda sabu l-basktijiet tal-istess żgħażagħ fl-inħawi tal-Blata tal-Melħ.
Intant omm wieħed miż-żgħażagħ ippubblikat ritratt tat-tifel tagħha, li jismu Nick (ritratt 1) u talbet għall-għajnuna lil kull min qiegħed bid-dgħajsa fl-inħawi.
Iż-żagħżugħ kien qiegħed ma sieħbu Mark (ritratt 2).
Sejħa lis-sidien tad-drones biex jgħinu fit-tfittxija
Intant, Paul Vincenti ħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom drone biex jinġabru fl-inħawi taż-Żurrieq u Fomm ir-Riħ biex jgħinu fit-tfittxija.
Il-Forzi Armati ta' Malta qed jitolbu lis-sidien tad-drones biex ifittxu l-aktar fl-għerien li ma jistgħux jidħlu fihom huma minħabba l-baħar qawwi.
Avżawhom ukoll biex ma jtajrux id-drones fiż-żona ristretta tal-ajruport, u l-inħawi ta' Filfla u l-Port Ħieles minn fejn qed jinżlu l-ajruplani.
Apparti minn hekk is-sidien tad-drones ma għandhom itajruhom aktar minn 50 metru 'l fuq mill-art.
Għal iżjed informazzjoni dwar kif tista' tgħin agħfas hawn.
Żewġ persuni oħra għadhom mitlufa
Għadu lanqas ma nstab iż-żagħżugħ Franċiż li qabeż il-baħar ma’ erba’ sħabu minn fuq dgħajsa f’Tas-Sliema u minn dak il-ħin ma deherx aktar.
Għadu nieqes ukoll Alfred Mifsud ta’ 58 sena li l-aħħar li deher kien ħdejn bar li jinsab viċin Għar Dalam f’Birżebbuġa.
Aktarx li l-persuna qed tuża Landrover Freelander kulur id-deheb.
Kull min għandu xi informazzjoni u biha jista’ jgħin lill-Pulizija, mitlub iċempel lill-Kwartieri Ġenerali fuq 21224001, inkella n-numru tal-Emerġenza 119.