Għawdex bla CID minħabba l-kaċċa

2 minuti qari

Għawdex bħalissa jinsab mingħajr Pulizija tas-CID minħabba li l-istess uffiċjali mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, qed jiġu ordnati jissorveljaw lill-kaċċaturi.
Sorsi qrib Newsbook.com.mt qalu li minflok jiġġieldu l-kriminalità fosthom is-serq u d-droga f’Għawdex, għall-ewwel darba din is-sena s-CID kollha f’Għawdex qed jintbagħtu fl-għelieqi bħala parti mill-ħidma kontra l-kaċċa illegali. Dan meta dan ix-xogħol suppost isir mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Infurzar tal-Liġi Amministrativa (ALE).
Jidher li tas-CID se jibqgħu jagħmlu dan ix-xogħol sas-7 ta’ Mejju li ġej, sa ġimgħa wara li jispiċċa l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan minħabba li din tkun l-aktar ġimgħa taħraq għall-awtoritajiet fil-ħidma kontra l-kaċċa illegali, hekk kif ikun żmien tajjeb għall-gamiem.
L-istess sorsi qalu li tas-CID qed jiġu allokati x-xogħol tal-ALE minħabba li f’Għawdex m’hemmx biżżejjed vetturi tal-Pulizija, kif ukoll li għal kull 1,000 kaċċatur irid ikun hemm seba’ pulizija.
Fis-snin li għaddew, fl-istaġun tal-kaċċa, ġieli kienu jintbagħtu vetturi tal-Pulizija minn Malta u anke uffiċjali tal-ALE.
Ritratt: Media Police