Ħaddar il-bejt u ffranka l-enerġija!

2 minuti qari

Il-bjut tad-djar Maltin diġa’ qed iservu biex bosta familji jiffrankaw l-enerġija billi jużaw il-panelli fotovoltajiċi.
Issa, permezz ta’ inizjattiva ġdida fl-Universita' ta’ Malta, il-bjut Maltin jistgħu iservu ukoll biex jilqgħu l-Green Roofs.
Bħal ma jidher ċar mill-isem ta’ dan il-proġett, din l-inizzjattiva litteralment tħaddar il-bjut, imma mhux biss. Skont kif spjega Vince Morris, li jaħdem fil-fakulta’ tal-arkittetura fl-Universita’ ta’ Malta, il-Green Roofs joffru bosta benefiċċji.

Apparti li jsebbħu l-bjut Maltin, il-Green Roofs joffru insulazzjoni mis-sħana u b’hekk il-familji jistgħu jiffrankaw l-użu tal-elettriku.
Il-ħaxix u l-pjanti li jistgħu jintużaw għal proġett bħal dan jistgħu ivarjaw ħafna. Iżda mal-ħaxix komuni, il-Green Roofs jistgħu anke joffru l-possibilita’ li jsir tkabbir ta’ ċertu ħaxix u frott. Dan grazzi għall-fatt li dawn il-Green Roofs se jkunu magħmulin minn materjal organiku.

Il-proġett Green Roofs se jkun imqassam fuq perjodu ta’ erba’ snin. Bħalissa, kollox jinsab fil-fażi esperimentali u l-proġett se jinqasam fuq żewġ partijiet.
Il-Green Roofs fuq il-bejt tal-Fakulta’ fl-Universita’ se tkun il-parti li fiha se jsiru l-esperimenti filwaqt li se jkun hemm biċċa oħra miftuħa apposta għall-pubbliku.
Is-soqfa miksija se jammontaw għal xejn inqas minn 725 metru kwadru u l-ispiża għal dan il-proġett tlaħħaq it-€850,000. Nofs l-ispiża tal-proġett se tkun qed tiġi koperta mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea.