Filmat: Taqa’ u tispiċċa għalkollox it-Tieqa tad-Dwejra

4 minuti qari

Ċediet u spiċċat għalkollox it-Tieqa tad-Dwejra.
Dan hekk kif waqgħet għall-ħabta tad-9am.
Dan ħabbru l-Prim Ministru Joseph Muscat fuq twitter.
Fil-ħin li t-Tieqa ġġarrfet, ir-riħ u l-baħar qawwi mill-Majjistral u t-Tramuntana kienu qed jaħkmu l-inħawi.
It-tieqa kienet f’nofs kontroversja minħabba li kienet ilha żmien twil tiddeterjora bil-mod.
Fil-jiem li għaddew għadd ta’ esperti fil-ġeoloġija kienu wrew il-preokupazzjoni tagħhom dwarha. Dan hekk kif kienu spjegaw li x-xquq li kien hemm fil-blat kien ilu snin isir u ma setax isir xejn biex dawn jitwaqqfu.
It-tnaqqir fit-tieqa kien proċess naturali, minħabba l-elementi naturali li seħħew fuq medda ta’ ħafna snin.
Sabiex jinqata’ l-abbuż tan-nies jitilgħu fuqha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienet iddeċidiet li twaħħal kamera.
Madankollu Newsbook.com.mt hu infurmat li l-kamera baqgħet qatt ma twaħħlet.
L-Awtorità kienet ideċidiet li min jinqabad jaqbeż minn fuqha jeħel il-multa ta’ €1,500.
Minkejja dan sa nhar il-Ħadd li għadda għadd ta' nies kienu għadhom qed jitilgħu fuq it-tieqa sabiex jammiraw il-veduta.
It-tieqa tad-Dwejra kienet magħmula mill-ġebla Maltija l-franka.
Hija kienet it-tieni l-eqdem blata antika li nstabet f’Malta.
Ix-xahar li għadda l-Ministru għall-Ambjent Hose Herrera kien ħabbar li d-Dwejra flimkien mal-Park tal-Majjistral huma kkunsidrati biex ikunu meqjusa Wirt Dinji jew National Geoparks.
L-inħawi bħalissa huma meqjusa perikolużi, tant li l-awtoritajiet qed ikeċċu lin-nies mill-inħawi.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex isegwi l-istruzzjonijiet u jevita l-periklu.

Sfond storiku tat-Tieqa:
It‑Tieqa tad‑Dwejra kienet arkata naturali magħmula mill‑parti ta’ fuq taż‑żonqor (Lower Coralline Limestone Formation).
Fid‑Dwejra hemm eżempji oħra ta’ dan il‑proċess, partikularment jidher fil‑Bajja tad‑Dwejra, fejn minħabba l-azzjoni tal‑mewġ u n‑natura tal‑blat, ċedew diversi strutturi li waslu biex tifforma Ħaġret il‑Ġeneral (Fungus Rock).
It‑Tieqa tad‑Dwejra esperjenzat bidliet drammatiċi fil‑morfoloġija tagħha matul dawn l‑aħħar 30 sena. Dawn il‑bidliet kienu r‑riżultat tal‑proċessi dinamiċi relatati mal‑ħafi naturali (natural erosion) tagħha. 
Il‑ġeoloġija tat‑Tieqa tad‑Dwejra kienet tikkonsisti f'żewġ unitajiet ta’ blat distinti li jġibu ruħhom b'mod differenti meta jkunu soġġetti għall‑ħafi. Filwaqt li l‑arkata innifisha (li kellha ħxuna ta’ madwar 4m), hija magħmula mill‑Mara Member u x‑Xlendi Member, il‑pilastru u l‑bażi tat‑Tieqa tad‑Dwejra huma magħmulin mill‑Attard Member. Madwar 90% tas‑saff t’isfel ta’ blat (Attard Member) waqa’ fl‑aħħar 30 sena.
F'April 2012, il‑pilastru esperjenza falliment billi massa ta’ blat trijangolari kbira waqgħet. Filwaqt li dan il‑falliment ma kabarx l‑arkata, huwa kompla inaqqas il‑massa tal‑pilastru. Aktarx l‑azzjoni tal‑mewġ affettwat l‑aktar il‑bażi tal‑pilastru, u ddgħajjef aktar il‑pilastru.
Barra minn hekk, fessuri u ħarq (fissures) fil‑blat tal‑pilastru innifsu setgħu kkontribwew ukoll biex iddgħajfet l‑istruttura. Il‑kombinazzjoni ta’ dawn il‑proċessi naturali u l‑ħafi, flimkien ma’ temp kiefer, x'aktarx kkawżaw il‑falliment tal‑istruttura.
“Żewġ possibiltajiet li waslu biex it-Tieqa taqa’” – Josè Herrera
 Intant il-Ministeru għall-Ambjent qal li bħalissa qed jiġu meqjusa żewġ possibiltajiet li wasslu għall‑falliment tat‑Tieqa.
Spjega li l‑ewwel possibiltà hija li l‑bażi tal‑pilastru ċeda minħabba ħafi kkaġunat mill‑azzjonijiet tal‑mewġ u tal‑kurrenti tal‑baħar tul iż‑żmien.
Żied jgħid li alternattiva oħra hi li l‑arkata ġġarrfet minħabba l‑mewġ u l‑fissuri u l‑ħarq li żviluppaw matul iż‑żminijiet, bil‑konsegwenza illi malli ċediet l‑arkata, il‑pilastru ċeda minnu nnifsu minħabba nuqqas ta’ sapport. 
Ritratti u Filmat: Mario Saliba