Home Aħbarijiet Id-dieħla l-elezzjoni każwali għas-siġġu ta’ Debono

Id-dieħla l-elezzjoni każwali għas-siġġu ta’ Debono

2 minuti qari

L-elezzjoni każwali għas-seba’ distrett biex jimtela post il-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Jean-Pierre Debono, fuq is-seba’ distrett se ssir fit-3 ta’ Ottubru, ħabbret il-Kummissjoni Elettorali.
Ilbieraħ, Debono għadda l-ittra ta’ riżenja tiegħu bħala Membru Parlamentari lill-Iskrivan tal-Kamra Ray Scicluna.
Huwa qal li għamel hekk sabiex iċedi s-siġġu tiegħu lill-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia, li mindu ġie elett kap kien għadu ma sabx kif se jidħol fil-Parlament.
Minkejja dan, kandidati oħra li fl-elezzjoni ġenerali ma telgħu mis-seba’ distrett jistgħu jikkontestaw f’din li ħabbret illum il-kummissjoni.
L-elezzjoni każwali e tkun qed issir għax Debono ma telax fil-Parlament b’elezzjoni każwali wkoll. Kieku kien hekk, ma kienx ikun hemm għalfejn elezzjoni każwali oħra, u Delia kien jieħu s-siġġu tiegħu bil-co-option.
Iżda ħadd mill-5 MP Nazzjonalisti li telgħu bl-elezzjoni każwali f’Ġunju li għadda ma ċeda s-siġġu.
Sadanittant, il-Kummissjoni Elettorali qalet li dawk il-kandidati li ma ġewx eletti iżda għandhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu eletti, jistgħu jippreżentaw in-nomina tagħhom kuljum minn għada sas-Sibt fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta bejn id-9am u nofsinhar.
Ilbieraħ il-Partit Demokratiku qal fi stqarrija li jħossu moralment obbligat li jikkontesta din l-elezzjoni.