Id-dieqa għall-attakki fi Brussell…

2 minuti qari

L-ogħla awtoritajiet qed jesprimu d-dieqa tagħhom għall-attakki terroristiċi li seħħew dalgħodu fi Brussell.
Fosthom, il-Papa Franġisku li qal li ngħaqad fit-talb għall-vittmi u qrabathom. Talab lil Alla jwennishom u jikkunslahom. Il-Papa kkundanna l-vjolenza għamja li qed tikkawża tbatija u talab lil Alla għar-rigal tal-paċi.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca li uriet is-simpatija tagħha maċ-ċittadin Malti li safa midrub, mal-qraba tiegħu u mal-kumplament tal-Maltin li jaħdmu fi Brussell.
Il-President qalet li “għalkemm tinsabu fi Brussell, jiena ninsab magħkom fl-ispirtu permezz ta’ ħsibijieti u talbi.”
Żiedet tgħid li tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet Maltin u mal-Ambaxxata Maltija fil-Belġju sabiex tinżamm aġġornata dwar l-aħħar żviluppi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem mal-Malti midrub u qal li jinsab f'kuntatt kontinwu miegħu u ma' martu li qed tistenna tarbija. Dr Muscat qed jaġġorna fuq twitter b'mod kontinwu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li "dan hu l-mument li għandu jgħaqqadna mhux biss bħala Maltin, iżda anke bħala Ewropej." Saħaq li ma nistgħux nibqgħu nħallu l-biża' tirbaħ fuq il-ħajja. 
Fi stqarrija, il-PN qal li Simon Busuttil kien f'kuntatt mal-Prim Ministru Joseph Muscat, li aġġornah bl-aħħar żviluppi kif ukoll mal-Malti ferut Lorenzo Vella, u awguralu fejqan ta' malajr.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, f'isem il-membri parlamentari esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-Presidenti u l-Membri Parlamentari tal-Kamra tad-Deputati fil-Belġju, kif ukoll lis-Senat.
Il-Komunità Musulmana Ahmadiyya f'Malta kategorikament ikkundannat l-attakki terroristiċi fi Brussell u wegħdet it-talb lill-qraba tal-vittmi. Qalet li t-terroriżmu sar wieħed mill-ikbar theddidiet, mingħajr l-ebda fruntieri. "Jidher li l-umanità kollha tinsab taħt theddida" żżid tgħid.
Il-General Workers' Union esprimiet is-solidarjetà tagħha wkoll, b'mod partikolari mal-Maltin kollha li jaħdmu fi Brussell fosthom Lorenzo Vella li ndarab fl-attakk.