Iffurmat il-kumitat ta’ inkjesta dwar il-Panama Papers

2 minuti qari

Il-Parlament Ewropew waqqaf il-Kumitat ta’ Inkjesta dwar il-Panama Papers.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li l-kumitat se jinvestiga allegat ksur u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, dwar ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxi.
Se jinvestiga wkoll nuqqasijiet li setgħu seħħew min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u tal-pajjiżi membri.
Fin-negozjati għat-twaqqif tal-Kumitat, il-Partit Popolari Ewropew (PPE) talab biex isir reġistru tas-sidien tal-kumpaniji sigrieti li hemm fil-Panama.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Burkhard Balz, li mexxa n-negozjati għall-PPE, qal li jrid jelimina s-segretezza dwar min għandu kumpaniji ta’ dan it-tip.
Saħaq li intraprenditur m’għandux jistħi b’dak li jagħmel u għalhekk m’għandux ikun hemm segretezza b’dawn il-kumpaniji.
Il-Kumitat se jkun magħmul minn 65 membru u fi żmien sena jrid jippreżenta rapport.
Aktar kmieni ma' Newsbook.com.mt l-Ewroparlamentari Alfred Sant qal li qed jittama li kif ġara fil-każi tal-Luxleaks, hu jkun parti mill-kumitat tal-Parlament Ewropew li se jinvestiga l-Panama Papers.
Il-Parlament Ewropew mistenni jiltaqa’ għall-ewwel laqgħa ta’ dan il-Kumitat ta’ Inkjesta qabel ma jieqaf għall-vaganzi tas-Sajf.