Il-filmat li qasam ħafna qlub

2 minuti qari

Ħafna nies u kumpaniji madwar id-dinja jagħżlu li jinjoraw l-effetti tat-tibdil fil-klima li huma kaġun tal-attività tal-bniedem stess. Effetti li jaffetwaw kemm lill-bniedem kif ukoll in-natura ta' madwaru, allavolja mhux dejjem jaraha.
Filmat miġbud minn membri ta’ National Geographic u li beda jiċċirkola nhar it-Tlieta fuq il-midja soċjali juri wieħed mill-impatti li dan it-tibdil qed iħalli, fejn juri ors polari li wasal biex imut għax ma jistax isib x'jiekol. Dan hekk kif in-nuqqas ta' silġ fuq il-baħar jagħmilha diffiċli biex dawn isibu x'jieklu.
Għalkemm aħna mdorrijin naraw l-orsijiet polari fuq prodotti kummerċjali fi żmien il-Milied, ir-realtà hi ferm differenti.
Paul Nicklen, il-fotografu li ħa dawn ir-ritratti u filmati, tkellem mal-midja internazzjonali dwar din ix-xena tal-ors polari li wasal biex imut li esperjenza ftit tax-xhur ilu fis-sajf waqt il-mawra tiegħu fil-Baffin Islands.
Għalkemm Nicklen hu familjari mal-orsijiet għax trabba l-Kanada u jaħdem bħala bijoloġista u fotografu tal-annimali slavaġ, hu saħaq li din ix-xena għalih kienet waħda ta' qsim il-qalb.
Il-filmat juri ors polari li qed jiprova jara kif se jsib xi ħaġa tal-ikel biex jgħix, b'ġildu mixrub u għadmu prattikament jidher minħabba nuqqas kbir ta' ikel u bla saħħa.
Ħafna lmentaw għalfejn Nicklen ma pruvax jgħin lill-ors, filwaqt li stqarr li hu sempliċimemt fotografu u ma jġorrx miegħu tranquilizers jew mijiet ta' kilos ta' laħam fuqu.
Żied jgħid li apparti minn hekk fil-Kanada hu llegali li wieħed jagħti l-ikel lill-annimali slavaġ.
Nicklen stqarr li ġibed dan il-filmat li juri l-miżerja li l-ors kien għaddej minnha bl-għan li l-mewt tiegħu għallinqas tkun serviet biex tiżdied aktar kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima.