Il-giljottina tinżel fuq in-niċċa

2 minuti qari

Jidher li n-niċċa li kienet iżżejjen il-faċċata ta’ dar antika fi Triq il-Mitħna f’Ħal Qormi telqet darba għal dejjem.
Fl-aħħar jiem diversi persuni lmentaw ma’ Newsbook.com.mt dwar niċċa antika tal-Qalb ta’ Ġesù li spiċċat vittma tal-progress hekk kif twaqqgħet mil-lejl għan-nhar mal-kumplament tal-faċċata tad-dar.
Dwan dan, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar fejn ġie spjegat li minflok il-binja antika se jkunu qed jinbnew numru ta’ garaxxijiet, showrooms u appartamenti fis-sular ta’ isfel u fit-tieni sular u żewġ uffiċini fit-tielet sular.
Kelliema għall-Awtorità tal-Ippjanar spjegat li l-permess kien jinkludi t-twaqqiegħ tal-binja eżistenti kollha, inkluż in-niċċa.
Spjegat ukoll li l-applikazzjoni fuq l-istess sit għadha fil-proċess “iżda ma tikkonċernax is-suġġett.” Għalhekk jidher li s-sentenza għal din in-niċċa nqatgħet darba għal dejjem.
Dan minkejja li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kien qal ma’ Newsbook.com.mt li se jkun qed jesiġi mal-Awtorità tal-Ippjanar biex in-niċċa titpoġġa mill-ġdid mal-faċċata tal-binja l-ġdida.
Il-Kunsill kien fakkar lill-Awtorità u anke lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li għandhom id-dover jipproteġu dan il-patrimonju.
Intant diversi persuni li rreaġixxew għall-artiklu ta’ Newsbook.com.mt qalu li l-faċċata ma jmissa qatt twaqqgħet u apparti n-niċċa kkumentaw fuq ix-xogħol antik fil-ħadid mal-gallarija tal-istess binja.