Home Aħbarijiet Assassinju DCG: Mhux il-Gvern se jiddeċiedi min jieħu l-€1 miljun

Assassinju DCG: Mhux il-Gvern se jiddeċiedi min jieħu l-€1 miljun

2 minuti qari

Mhux se jkun il-Gvern li jiddeċiedi min jingħata €1 miljun għall-informazzjoni li jgħaddi lill-awtoritajiet li tgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-punt ta’ riferiment se jkun ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali, u l-flus jitħallsu skont ma’ jgħid dar-rapport.
Aktar kmieni dil-ġimgħa, iben Daphne Caruana Galizia, Matthew, f'isem ħutu, talab għar-riżenja tal-Prim Ministru, Joseph Muscat, filwaqt li rrimarka li mhux flus iridu l-familja Caruana Galizia, iżda li jinbidlu l-affarijiet.
Huwa ddeskriva s-sitwazzjoni f'Malta bħala waħda ddisprata, bla kontabbiltà politika, bla integrità fil-ħajja pubblika u fejn m’għandekx soċjetà miftuħa u ħielsa, affarijiet li ġġieldet għalihom ommu.
Il-Gvern qal dan fi stqarrija, meta sostna li huwa impenjat biex dan il-każ jiġi riżolt u min kien responsabbli jiġi identifikat u mressaq quddiem il-Qrati.
Filwaqt li ddeskriva dal-każ bħala wieħed li jeħtieġ miżuri straordinarji, il-Gvern kompla jgħid li min jgħaddi din l-informazzjoni jingħata protezzjoni biex jixhed dak kollu li jaf quddiem il-Maġistrat Inkwerenti.
Anki jekk xi ħadd jgħaddiha lill-Pulizija b’mod kunfidenzjali, xorta waħda jkun eliġibbli għall-flus.
Il-Gvern ifakkar li hemm ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Whistleblower’s Act u emendi oħra li jistgħu jintużaw minn min seta’ kien involut u jrid jikkollabora mal-Pulizija biex jinqabad il-qattiel.
Min ikun irid jersaq biex jagħti l-informazzjoni jista’ jċempel fuq in-numru 22942008 jew jibgħat fuq crimeinfo.police@gov.mt