Il-Karkariżi b’appell wara l-inċident f’Ta Ġieżu r-Rabat

2 minuti qari

Wara l-inċident li seħħ matul il-lejl li għadda fil-Knisja ta’ Ġieżu tar-Rabat, il-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Birkirkara appellat lill-Awtoritajiet biex “mill-aktar fis possibbli,” jagħtu attenzjoni lil din il-knisja antika.
Fi stqarrija, il-Parroċċa saħqet li minkejja li l-knisja ġiet immoniterjata l-ħin kollu, maż-żmien komplew jiżviluppaw ħafna aktar ħsarat.
Għalhekk, il-parroċċa appellat lill-Gvern u lil Knisja biex jagħtu l-għajnuna tagħhom biex din il-knisja antika, imżejna bi skultura fil-ġebla Maltija, tingħata l-attenzjoni.
L-ispejjeż biex tkun irranġata din il-knisja huma kbar u l-istqarrija tisħaq li l-komunità parrokkjali waħedha impossibbli li tlaħħaq magħhom.
Il-parroċċa tisħaq kulmin jinterresah mill-patrimonju sagru u arkitettoniku ta’ pajjiżna, għandu jagħti l-għajnuna.
“Bħalma ġustament sar fi bnadi u binjiet ohra f'pajjiżna, issa anke il-Knisja tagħna għandha tingħata l-attenzjoni kollha li jixirqilha,” ittemm tgħid l-istqarrija.
Il-knisja ta’ Santa Marija, kienet isservi bħala l-ewwel parroċċa ta’ Birkirkara iddedikata lil Santa Liena. Propju għalhekk din il-knisja hija magħrufa l-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara.
Għalkemm mhux magħruf eżatt meta bdiet tinbena din il-knisja, xi kotba jsemmu l-1607 bħala s-sena meta beda x-xogħol. 
Il-knisja kienet abbandunata meta fl-1727 inbniet il-knisja l-ġdida ta’ Birkirkara.
Fi żmien mhux magħruf, wara l-1850 kienet waqgħet il-koppla u sfronda s-saqaf ta; din il-knisja. L-Arċisqof Mikiel Gonzi kien iddeċieda li l-knisja terġa’ tiġi irranġata kif tassew jixraq. Ix-xogħol beda uffiċċjalment fit-12 ta’ Ottubru 1969
Fl-1992 l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca kien ħass il-bżonn pastorali li din iż-żona ta’ Birkirkara tkun awtonoma, jiġifieri indipendenti mill-parroċċa ta’ Sant’ Elena u għalhekk il-knisja reġgħet bdiet isservi bħala knisja parrokkjali.
Minkejja li l-knisja ġiet irranġata, partijiet minnha, l-aktar fuq barra u fil-faċċata għadhom imwaqqa’ sal-lum.