“Il-parkeġġ u l-aċċessibilità aktar importanti mid-dar b’sinifikat dubjuż”

minuta qari

Il-Perit tal-Parroċċa tal-Katidral ta’ Għawdex Joseph Bugeja qal li l-parkeġġ u l-bżonn ta’ aktar aċċessibilità għaċ-Ċittadella hu aktar importanti mill-konservazzjoni ta’ dar li s-sinifikat storiku tagħha hu dubjuż.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Perit Bugeja qal li d-dar, li fl-aħħar jiem eluf ta’ persuni ffirmaw petizzjoni onlajn biex ma titwaqqax, inbniet madwar 50 sena ilu barra ċ-Ċittadella.
Id-dar, li hi proprjetà tal-Kapitlu tal-Katidral t’Għawdex, hi meqjusa bħala l-unika binja residenzjali ddiżinjata mill-perit Ġużè D’Amato u hi magħrufa għall-elementi arkitettoniċi rikki tagħha.
Żied jgħid li fil-proġett, li hu parti mill-Masterplan taċ-Ċittadella, se jinżammu l-faċċati tad-dar. Qal ukoll li ftit tas-snin ilu kienu ħarġu l-permessi biex id-dar, tinbidel f’ċentru parrokkjali, li kien jinkludi ristrutturar fosthom it-tneħħija tat-taraġ.
Bħalissa l-applikazzjoni għal parkeġġ ta’ tliet suldari minflok id-dar, tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni u s’issa ġew sottomessi aktar minn 200 rappreżentazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar.