Il-Patrijarka Kaldew: L-ordni ta’ Trump hi ta’ ħsara għall-Insara fil-Lvant Nofsani

2 minuti qari

Il-kap tal-Knisja Kattolika Kaldea qal li hu kontra deċiżjonijiet ispirati minn persekuzzjoni reliġjuża kontra reliġjon minoritarja, kif inhuma dawk li ħa l-President Amerikan Donald Trump fil-każ tal-immigrazzjoni minn pajjiżi Musulmani.
“Kull politika li tiddiskrimina kontra min hu ppersegwitat u qed ibati fuq bażi reliġjuża”, qal il-Patrijarka Louis Raphael I Sako, “fl-aħħar mill-aħħar hi ta’ ħsara għall-Insara tal-Lvant, għax fost l-oħrajn tipprovdi argumenti għal propaganda u preġudizzji li jattakkaw il-komunitajiet Insara tal-post fil-Lvant Nofsani bħala ‘barranin’”.
Il-Primat tal-Knisja Kattolika Orjentali żied jgħid li fil-verità din hi “nassa għall-Insara fil-Lvant Nofsani”, għax, anki jekk jistgħu jidhru li qed jiffavorixxu lill-Insara, “dawn l-għażliet diskriminatorji jżidu t-tensjoni ma’ ħutna l-Musulmani”.
Dawk li jfittxu l-għajnuna, qal il-Patrijarka, mhumiex mifruda b’tikketti relġjużi. “U aħna ma rridux privileġġi. Dan hu li l-Vanġelu jgħallem, u li qed jurina l-Papa Franġisku, li laqa’ f’Ruma r-rifuġjati li ħarbu mil-Lvant Nofsani, sew Insara u sew Musulmani, bla ebda distinzjoni”.
Il-Patrijarka Kaldew qal li gruppi li jiddiskriminaw b’dan il-mod ħafna drabi għandhom is-sapport u l-protezzjoni tal-potenzi tal-Punent.