Awdjo: ​“Il-President m’għandhiex tinsa lil Kristu wara li tbusu” – Manche

2 minuti qari

Il-Pastor Gordon John Manche flimkien mas-segwaċi tiegħu llejla ltaqgħu quddiem il-bini tal-Parlament u ppreżentaw petizzjoni ta' 10,500 firma lil whip tal-Gvern Carmelo Abela, lil whip tal-Oppożizzjoni David Agius u lid-Deputat Speaker Ċensu Galea. 
Huwa qal li 80% tal-poplu Malti ma jridux li tgħaddi il-liġi tal-Unjoni Ċivili, li tinkludi li koppji omosesswali jkunu jistgħu jadottaw. 
Aktar kmieni:
“Waqt li tkun qed tbus is-salib fil-ġurament tal-ħatra, il-President il-ġdid m’għandhiex tinsa lill-Kristu ġurnata jew ġimgħa wara u titradixxi l-istess salib.”
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt Gordon John Manche li jmexxi l-grupp River of Love Christian Fellowship u li qed jiġbor il-firem kontra l-liġi tal-unjoni ċivili u l-adozzjoni tat-tfal minn koppji tal-istess sess.
Żied jgħid li fl-istorja “kellna l-eżempju ta’ Ġuda l-Iskarjota li bies lil Kristu u biegħ lil Kristu.”
Awgura lill-President George Abela li kien “raġel ta’ integrità, unur, u ta’ eżempju għall-pajjiż, li żamm mal-morali tiegħu li huma nsara.”
Appella biex “dawn il-liġijiet ma jidħlux fil-pajjiż, u jekk jidħlu se jkun qed iġib referendum biex iwaqqgħu.” Spjega li diġà tkellem mal-Kummissjoni Elettorali dwar ir-referendum u jinsab impenjat biex jiġbor 35,000. Qal f’inqas minn erba’ ġimgħat inġabru madwar 10,400 firma.  
Manche qal li m’hemmx differenza bejn l-unjoni ċivili kif qed tiġi introdotta għax m’hemmx differenza bejn iż-żwieġ u l-unjoni ċivili ħlief il-kelma.
Sostna li m’għandu xejn kontra l-koppji gay iżda t-tfal m’għandhomx jiġu adottati minn persuni omosesswali ħlief minn omm u missier għax dak hu d-disinn tan-natura u d-disinn ta’ Alla.
Gordon John Manche qal li jammira lill-Isqof Charles J Scicluna li ħareġ għonqu fuq dan is-suġġett.
Illum Manche se jkun qed jippreżenta petizzjoni lill-Membri Parlamentari kontra l-unjoni ċivili u l-adozzjoni tat-tfal minn koppji omosesswali.