Home Aħbarijiet Internazzjonali Il-Prinċep George jibda jiddibatti t’erba’ snin

Il-Prinċep George jibda jiddibatti t’erba’ snin

2 minuti qari

Il-Prinċep George dalgħodu beda jattendi skola ġdida, fejn jista’ jagħżel li jitgħallem il-filosofija jew it-Taljan, jew jattendi xi lezzjonijiet biex jitgħallem kif għandu jiddibatti.
L-istudenti li jattendu l-iskola prestiġġjuża Thomas's f’Battersea, Londra, huma mħeġġa li jissieħbu f’xi wħud minn dawn il-klabbs, li jorganizzaw attivitajiet għall-istudenti wara l-ħin tal-iskola.
B’għażla ta’ 24 klabb, li jvarjaw mit-tagħlim tal-lingwi sal-isport, l-iskola tipprova tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
L-istudenti kollha, kemm bniet kif ukoll subien, għandhom jattendu wkoll lezzjonijiet taż-żfin kull ġimgħa, sal-età ta’ seba’ snin.
Dalgħodu, il-Prinċep George kien akkumpanjat minn missieru, il-Prinċep William. Kontra qalbha, id-Dukessa ta’ Cambridge, li qed tistenna t-tielet tarbija, kellha tibqa’ d-dar minħabba kundizzjoni tat-tqala li tikkawża d-dardir.
Huwa żamm id missieru sew, hekk kif flimkien mal-kap tal-iskola, Helen Haslam, ħadu l-ewwel passi lejn il-klassi fejn se jqatta’ l-bqija tas-sena.
L-għażla tad-Duka u tad-Dukessa ta’ Cambridge li jibgħatu lil binhom fi skola mħallta kienet waħda storika. Sa issa, il-familja Rjali żammet it-tradizzjoni li tibgħat lis-subien u l-bniet fi skejjel għalihom. Bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, il-Prinċipessa Charlotte se tkun tista’ tattendi l-istess skola ma’ ħuha fi ftit snin oħra.
Dan kollu jinstema’ impressjonanti, iżda din l-esperjenza prestiġġjuża ma tiġix b’xejn – il-miżata għal sena skolastika tista’ tilħaq £20,000.