Home Aħbarijiet Internazzjonali Illum Trump jieħu deċiżjoni li tista’ tfisser anqas art għall-Palestinjani

Illum Trump jieħu deċiżjoni li tista’ tfisser anqas art għall-Palestinjani

2 minuti qari

Il-President Amerikan, Donald Trump, mistenni jirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala l-kapitali tal-Iżrael f’diskors li se jagħmel aktar tard illum, u dan jista’ jkollu effetti provokattivi.
Ma’ din id-dikjarazzjoni hemm marbuta sfiqa d-deċiżjoni li l-Ambaxxata Amerikana fl-Iżrael timxi lejn Ġerusalemm, iżda uffiċjali għolja qrib Trump qalu li l-president mhux beħsiebu jmexxi l-ambaxxata mill-ewwel.
Ir-rikonoxximent ta’ Trump jista’ jkun provokattiv immens, għax Ġerusalemm hu meqjus bħala post qaddis kemm għal-Lhud kif ukoll għall-Għarab Palestinjani.
L-Iżrael minn dejjem qies Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu, iżda l-Palestinjani jagħrfu l-Lvant tal-belt bħala l-kapitali tagħhom jekk xi darba jkun hemm stat Palestinjan indipendenti.
Jekk Trump jirrikonoxxi lil Ġerusalemm bħala kapitali, il-pożizzjoni tal-Iżrael tissaħħaħ, u dan imbagħad jista’ jimbotta biex aktar Iżraeljani jaħsbu li għandhom id-dritt għall-art Palestinjana fil-Lvant ta’ Ġerusalemm.
Ifisser ukoll li l-Istati Uniti jkun l-ewwel pajjiż li jagħmel hekk minn kemm ilu jeżisti l-Iżrael bħala stat, mill-1948.
Sadanittant, mexxejja Għarab diġà wissew kontra d-deċiżjoni li l-ambaxxata timxi lejn Ġerusalemm, gfħax skonthom din tkun mossa provokattiva lejn il-Musulmani kollha.
Ġerusalemm tħaddan fiha postijiet meqjusin imqaddsa għat-tliet reliġjonijiet monoteisti ewlenin: il-Ġudaiżmu, l-Iżlam u l-Kristjaneżmu.