“Intom tibqgħu ta’ Malta u Malta tibqa’ tagħkom” – Il-President lill-emigranti

minuta qari

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet ma’ grupp ta’ emigranti Maltin residenti l-Awstralja fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Qaltilhom li kull Malti u Maltija li jemigra, jibqa’ ta’ Malta, u Malta tibqa’ tagħhom. Żiedet tgħid li riedet tagħti l-opportunità lil dawn l-emigranti biex anke huma jgawdu u japprezzaw il-patrimonju Malti.
Sostniet li kuntatt kontinwu bejn il-Maltin f’Malta u l-Maltin fl-Awstralja huwa importanti ħafna biex tonqos ftit mid-distanza kbira li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi.
Semmiet proġett li qed taħdem fuqu l-Presidenza biex ikompli jissaħħaħ il-kuntatt. Qalet li s-sena d-dieħla l-President Coleiro Preca se tkun qed iżżur l-Awstralja biex fost l-oħrajn tiltaqa’ mal-komunità Maltija.
Il-Kummissjoni Emigranti, li taħdem mill-viċin mar-refuġjati, laqqgħet ukoll lill-President Marie-Louise Coleiro Preca ma’ Tages Gebregzabhe, l-Eritrean li jumejn ilu ngħaqad ma’ ibnu ta’ sentejn li safa iltim fil-Libja.
Ritratt: DOI – Pierre Sammut