Ir-risposti li nesa jagħti Chris Fearne

    4 minuti qari

    Għaxxaqha Chris Fearne! Mar għal interview, ma studjax biżżejjed u se jkollu jgħaddi l-vaganzi tal-Milied jisma’ n-nies jgħadduh passata huma u jomogħdu l-canapès u l-pastizzi.
    Kull min rah quddiem Tim Sebastian (Conflict Zone, Deutsche Welle) baqa’ mbellaħ kif il-Prim Ministru in waiting, nesa jagħti lil dal-biċċa ġurnalist Nazzjonalist l-iktar risposti ovvji li xbajna nisimgħu hawn Malta.
    Kienu jafu li lil dan Sebastian għalxejn jhedduh li jekk ma joqgħodx attent x’jistaqsi se jkeċċuh mix-xandir kif għamlu miegħi u m’oħrajn. Lanqas ma setgħu joffrulu xi job jew konsulenza biex jieħu ħsieb lill-viċi ta’ Joseph, għax jafu li kien jibgħathom isaqqu l-ħass ta’ fejn se jibnu t-torrijiet.
    Allura kull ma kellhom jagħmlu kien li jħejju lista ta’ risposti biex Fearne jitgħallimha bl-amment u bħal pappagall leali lejn sidu jirrepetiha lill-Ingliż tad-Deutsche Welle.
    Ħasra li Kurt Farrugia bħalissa mħabbat ħafna jikkonvinċi lid-dinja li f’Malta għandna kollox aqwa mill-bqija tal-Ewropa, għax kieku lil Fearne żgur kien iħejjilu lista li kienet tħalli lil xi puppatur bħali jew bħal Tim Sebastian bla kliem.
    Kieku Fearne żgur ma kienx jinsa jsemmi t-€92. Żgur kien jgħid li dan l-għaġeb kollu li qed jagħmlu n-Nazzjonalisti huwa biss minħabba dawn l-imberkin €92 li Konrad Mizzi dar id-dinja jfittex bank għalihom.
    U kif seta’ jinsa lil Putin f’intervista internazzjonali bħal din? Kif seta’ jinsa jgħid li din l-istorja ta’ Egrant u l-whistleblower mir-Russja aktarx ġejja minn Putin kif qal Muscat lejlet l-elezzjoni?
    Bilħaqq, l-elezzjoni. Anke dik nesa jsemmi Fearne. Ma qallux lil Sebastian li f’Ġunju l-poplu ddeċieda li jrid lil Schembri u lil Mizzi f’Kastilja ħdejh u ħdejn Muscat. Ma qallux li t-tort mhux tiegħu, mhux tagħhom, imma tal-poplu u li dal-mistoqsijiet kollha jmorru kontra r-rieda tal-poplu sovran.
    Possibbli ma jafx dan Sebastian li f’Ġunju kien hemm min saħansitra mar jiċċelebra quddiem il-Bank Pilatus? Nota: Lil dan imnalla ma semmiehx għax kien jheddu b’xi kawża li tħallieh għarwien ħuta.
    Ħafna stagħġbu wkoll kif Fearne ma qal xejn fuq it-tradituri ta’ Malta. Ma jafx Fearne li din tat-‘tradituri’ dejjem tagħti l-frott? Nesa kemm ħareġ ġid meta lil Mintoff għajruh traditur? Ma ndunax kemm sejrin tajjeb fil-voti fil-Parlament Ewropew kemm ilhom li bdew isejħu lil Casa u l-bqija ‘tradituri’?
    Insomma, issa li hemm hemm. Huwa stat ta’ fatt li jekk Fearne jkollu intervista oħra, jeħtieġ jipprepara ferm aħjar minn hekk. Jekk irid imur tajjeb u jimpressjona żgur irid juża iktar kliem bħal dak li jħobb juża l-mexxej tiegħu, bħal pereżempju ‘chicken’.
    Jeħtieġ ikun iktar pożittiv ukoll u fir-risposti jżomm dejjem fiss f’moħħu li l-partit li qed jirrappreżenta qisu r-Real Madrid tal-politika, jiġifieri l-partit champion tad-dinja!
    Jekk Fearne jrid li darboħra tant imur tajjeb, li s-sena d-dieħla jagħtuh Ġieħ ir-Repubblika, meta l-ġurnalist jibda jtawwal ilsienu u jistaqsi xi ftit iżżejjed bħal m’għamel Sebastian u kif, ta’ melħa li jien, kont spiss nagħmel fuq TVM, għandu jħares dritt f’għajnejh u jgħidlu ‘Niġi għalik u nifqgħek!’.
    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali