Home Aħbarijiet Istituzzjonijiet finanzjarji kuntenti bir-rapport tal-PANA dwar Malta

Istituzzjonijiet finanzjarji kuntenti bir-rapport tal-PANA dwar Malta

2 minuti qari

Istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin f’Malta qalu li r-rapport finali tal-Kumitat PANA juri biċ-ċar li Malta mhijiex xi ġenna għall-evażjoni tat-taxxa.
FinanceMalta, il-Kamra tal-Kummerċ f’Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Istitut tal-Operaturi tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta (IFSP), qalu fi stqarrija konġunta li jilqgħu r-rapport dwar Malta rigward il-Panama Papers.
Żiedu ma’ dan li r-rapport ixejjen l-akkużi bosta kelliema minn pajjiżi Ewropej differenti, kif ukoll xi sezzjonijiet tal-midja internazzjonali, li pinġew lil Malta f’dawl ikrah minħabba l-informazzjoni deskritta “żbaljata” li kellhom.
Irrimarkaw li r-rapport hu turija ta’ kemm Malta tibqa’ kommessa li timxi mar-regolamenti internazzjonali ta’ trasparenza u sistemi effettivi ta’ skambju ta’ informazzjoni.
Ir-rapport tal-Kumitat PANA kkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tat-taxxa f’Malta hi attraenti immens, u ma tmurx kontra r-regolamenti u l-istandards internazzjonali u tal-UE u li Malta applikat r-regolamenti tal-UE dwar it-trasparenza, frodi fit-taxxa u ħasil ta’ flus.
L-organizzazzjonijiet aċċennaw ukoll għall-isforzi tal-Gvern li joħloq setturi ekonomiċi ġodda, fosthom il-blockchain, il-cryptocurrencies u l-Fintech.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Silvio Schembri, qal li hu jingħaqad mal-appell ta’ dawn l-organizzazzjonijiet sabiex kulħadd jiġbed l-istess ħabel u ma ssirx ħsara lill-pajjiż.