It-tqegħid tal-bombi beda ‘minħabba’ l-Knisja

2 minuti qari

L-espert tal-istorja tal-kriminalità f’Malta Eddie Attard qal li t-tqegħid tal-bombi f’Malta bdew wara kwistjoni bejn ir-Rabat u l-Imdina, meta l-parruċċani riedu li l-Knisja ta’ San Pawl issir parroċċa.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Attard spjega li l-bombi bdew biex “joħolqu tkexkix, inkwiet u terrur”.
Dawn il-kriterji dehru fl-ewwel splużjoni li saret mal-għassa tal-pulizija tal-Imdina f’Marzu tal-1899, minħabba r-rivalità bejn il-parruċċani tal-Imdina u dawk tal-knisja ta’ San Pawl fir-Rabat.
Xi xhur qabel, l-emblema tal-Isqof mal-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl kienet imtliet ħmieġ u għalhekk jidher li l-parruċċani tal-knisja ta’ San Pawl dehrilhom li l-Pulizija ma kinitx qed taħdem tajjeb fil-każ ta’ vandaliżmu.
Attard ikompli billi jgħid li l-istess grupp ta’ nies, f’Marzu 1901 għamlu bomba mal-Palazz tal-Isqof il-Belt u aktar tard mal-Knisja ta’ Ġieżu. Jispjega li fortunatament ma kienx hemm qtil. Dawn il-każijiet baqgħu ma ssolvewx minħabba nuqqas ta’ evidenza kontra s-suspettati.
Eddie Attard jispjega li l-ewwel qtil bi splużjoni sar b’karozza bomba f’Raħal Ġdid fit-8 ta’ Marzu 1969. Raġel ta’ 32 sena kien inqatel wara li l-karozza tfarrket kollha. Xi nies oħra weġġgħu waqt li kienu għaddejijn b’tal-linja viċin tal-isplużjoni. Dan il-każ baqa’ mhux solvut.
Semma wkoll il-każ ta’ Marzu 1972 fejn inqatlet mara minn żewġha meta poġġielha bomba mal-wiretal-inxir.
F’Diċembru 1977, kien hemm il-każ tal-qtil ta’ Karen Grech, bint tabib li nqatlet permezz ta’ ittra bomba. Ittra bomba oħra kienet inbagħtet lit-Tabib Chetcuti Caruana li fortunatament ma kinitx ħadet.
Tista’ tisma’ l-programm sħiħ hawnhekk.