Home Aħbarijiet Internazzjonali Jagħmlu bħal xulxin: l-Iżrael iħalli ‘l-UNESCO

Jagħmlu bħal xulxin: l-Iżrael iħalli ‘l-UNESCO

minuta qari

L-Iżrael ingħaqad mal-Istati Uniti u se toħroġ mill-UNESCO għax jidhrilha li s-sitwazzjoni f’din l-organizzazzjoni tixbah teatru tal-assurd.
Ilbieraħ l-Istati Uniti ħabbret li se toħroġ mill-UNESCO, l-Organizzazzjoni tax-Xjenza u l-Kultura fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, għax fi kliemha hemm sentiment anti-Iżraelita fl-organizzazzjoni.
Huwa u jiddeskrivi dan l-att bħala wieħed kuraġġuż u morali, l-Iżrael ikkonferma li se jagħmel bħall-Istati Uniti.
Sadanittant, is-Segretarju Ġenerali tal-Inizjattiva Nazzjonali Palestinjana, Mustafa Barghouti, qal li dan li ġara juri kemm l-Istati Uniti xxaqleb lejn l-Iżrael, u ddeskriva dan bħala tal-mistħija u att li jisfavurixxi l-ħidma għall-paċi fir-reġjun.
L-Amerka u l-Iżrael ma kinux ħadu gost li fl-2011 il-UNESCO aċċettat is-sħubija tal-Palestina fl-organizzazzjoni. Barghouti qal li jekk dawn iż-żewġ pajjiżi se joqogħdu joħorġu minn kull organizzazzjoni sempliċiment għax ikun hemm il-Palestina wkoll, mela aktar se jagħmlu ħsara lilhom infushom milli lil ħaddieħor.
Il-mexxejja tal-UNESCO, Irina Bokova, irrimarkat li setturi wesgħin se jbatu minn dit-telfa tal-Amerka, u enfasizzat li dan kien żmien fejn iż-żewġ partijiet kienu wisq importanti għal xulxin.